“Ma jagħmel ebda ġieħ lil Robert Arrigo u lanqas lill-politika Maltija li biex jintrebaħ argument jintefgħu allegazzjonijiet fuq entitajiet non-governattivi li jgħinu lil Gvern sabiex Malta tibqa’ tikseb suċċess wara l-ieħor fil-qasam turistiku”
Kliem li ntqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għat-Turiżmu, b’referenza għall-attakki li saru fuq l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti mid-deputat tal-Oppożizzjoni Robert Arrigo. Dawn l-attakki saru lbieraħ waqt il-ħin tal-aġġornament fil-Parlament.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis fakkar li l-introduzzjoni tal-kontribuzzjoni ambjentali ġiet imħabbra fil-Budget tal-Gvern f’Ottubru tas-sena l-oħra u minn dak iż-żmien il-quddiem il-Ministeru għat-Turiżmu ħadem qattiegħ ħalli fl-implimentazzjoni ta’ din l-kontribuzzjoni l-interess ta’ kull settur turistiku jiġi mħares u jaċċerta li din titħallas mit-turist u mhux mill-operatur.
Il-Gvern għażel bħala partner lil MHRA li tirrappreżenta aktar minn 70% tal-akkomodazzjoni tal-industrija turistika. Iżda, fil-fatt, l-entitajiet kollha li jirrappreżentaw operaturi turistiċi varji, kif ukoll l-MP Arrigo innifsu, kienu ddikjaraw li jaqblu mal-introduzzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni.
Għalhekk, tgħid l-istqarrija, Robert Arrigo għandu jiddikkjara minnufih b’liema interessi personali u kummerċjali issa qed jitkellem biex jattakka lil dawn l-entitajiet non-governattivi.