Għadha kif intemmet attività oħra organizzata mill-Forum Żgħażagħ Laburisti f’din il-kampanja elettorali, din id-darba fiż-Żejtun.
Wara introduzzjoni mill-isbaħ tal-President tal-FŻL Alex Saliba, il-Prim Ministru rringrazzja liż-żgħażagħ tal-Forum u liż-żgħażagħ kollha li lbieraħ kienu l-Università. Sejħilha ‘festa kbira tad-demokrazija’, fejn qal li ddisjpaċih biss il-kumment fil-konfront ta’ Charles Mercieca.
Amministrazzjoni Laburista tapprezza lil dak li jkun, hu min hu.
F’isem iż-Żwieten, irringrazzja lit-tabib George Vella. Tislima miqluha b’ċapċip mil-mijiet kbar ta’ żgħażagħ li ħonqu ż-Żejtun.
Joseph Muscat tkellem fuq il-persuni b’diżabiltà u qal fakkar li kien Gvern Laburista fil-ħamsinijiet li ta l-ewwel benefiċċji u beda jeduka lis-soċjetà biex tilqa’ persuni b’diżabiltà. Tul is-snin sar ħafna, u issa saret rivoluzzjoni siekta, fejn 1,000 persuna b’diżabiltà sabet post tax-xogħol. Daħlu ħafna inċentivi, anke għal familja ta’ persuni b’diżabiltà li se tkun eżenti minn kull tip ta’ taxxa jekk tixtri propjetà adattata għall-persuna b’diżabiltà. Intant, fuq tema ta’ propjetà, 22,000 persuna bbenefikaw minn għotja tal-first time buyers. Issa qed ikunu ndirizzati dawk li m’għandhomx biex iħallsu depositu l-bank ta’ 10%.
Michelle Muscat ftakret f’intervista li għamlu magħha Times of Malta wara li Joseph Muscat sar mexxej tal-Partit Laburista. Qalet li dak iż-żmien, kienu qalulha li issa li aċċettat li tkun intervistata, trid taċċetta wkoll li tkun attakkata.
“Ma ddejjaqtx bl-attakki, la dak iż-żmien, u lanqas tul dawn id-disa’ snin” qalet mart il-Prim Ministru.
Għamlet kuraġġ liż-żgħażgħ, biex ma jiddejqux joħolmu u jesprimu l-opinjoni tagħhom f’kuntest Universitarju. Tkellmet fuq l-impenn tagħha lejn persuni li għandhom bżonn min jismahom, kemm jekk tkun fil-ħajja pubblika u anke jekk le.
Il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza tal-isport, li ma jkunx xi ‘after-thought’. Mill-iskola nazzjonali tal-isport, se joħorġu ‘champions’. Imma qed jittieħdu wkoll miżuri biex l-isport ikun ta’ kulħadd u għal kulħadd. Fosthom b’infrastruttura ġdida, bħal motor-racing track, il-korsa ġdida taż-żwiemel u l-pitch tal-waterpolo f’Birżebbuġa. Imiss li jkun hemm erba’ pixxina oħra, tlieta minnhom fin-nofsinhar ta’ Malta. F’Ta’ Kandja se jkun hemm shooting range tad-dixxiplini kollha relatati mal-isparar. Se jkun hemm numru ta’ grounds ġodda, u f’Ħal Luqa, miżbla se tinbidel fi proġett li jinkludi ground ġdid għat-tim Valletta FC.
Fadal ħafna proposti x’jitwettqu f’kull qasam, qal il-Prim Ministru. Iżda huwa partit li għandu prinċipji b’saħħithom ukoll. Wieħed mill-iktar prinċipji għal qalbu hija l-ugwaljana.
“Liż-żagħżagħ irridhom miegħi” qal Muscat, “biex il-pajjiż inkomplu nbiddluh”.