Il-Ministru Manuel Mallia fakkar li Simon Busuttil kien diġà preżenta rikors simili għal dak preżentat dalgħodu.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Mallia fakker li l-inkjesta quddiem il-Maġistrat Aaron Buġeja hija dwar jekk il-kumpanija Egrant għandux x’jaqsam fiha l-Prim Ministru, martu, jew xi ħadd mill-familja tiegħu.
Il-Ministru Mallia spjega li inkjesta hija indaġini li jagħmilha Maġistrat magħżul minn min ikun tal-għassa dik il-ġurnata.
Kien diġà preżentat rikors, fejn Busuttil ried jagħmel allegazzjonijiet oħra li m’għandhomx x’jaqsmu mal-indaġini oriġinali.
Però r-rikors preżentah, u f’dan id-digriet il-Maġistrat Buġeja qallu li ma jistax jisma dan ir-rikors ġdid fl-indaġini li diġà hemm. Jekk il-Maġistrat ma jimxix skont l-artikolu tal-liġi, ikun il-Maġistrat li ma jimxi mal-liġi.
Din hi deċiżjoni kategorika, qal Manuel Mallia. Illum hemm allegazzjoniet li m’għandhom x’jaqsmu ma dak li Aaron Buġeja qed jindaga fl-inkjesta Egrant.
Il-poplu jistaqsi; il-Kap tal-Oppożizzjoni avukat, u għandu avukati jtuh pariri. Jekk Busuttil għadu kif għamel rikors u l-Maġistrat qallu li ma jistax jagħmel kif talbu, mela allura għalfejn reġa’ mar b’rikors simili għat-tieni darba?
“M’għandekx għalfejn tagħmel kors tal-liġi” qal Mallia, biex tagħmel din l-osservazzjoni ta’ sens komun. Qisek għandek sitwazzjoni fejn inti trid iġġebbed, biex dak li ma tridx tisma’, ma tisimgħux.
Biex sad-data tal-elezzjoni, il-poplu ma jkunx ra l-verità.
Mallia osserva wkoll li l-Maġistrat tal-inkjesta huwa investigatur, li għandu poteri jgħid lill-Pulizija jarrestaw, imorru jfittxu, jaħtar esperti u jara biex jikkonserva l-provi, fost oħrajn. B’dawn il-poteri, meta wieħed jgħid li m’għandux fiduċja fil-Pulizija, qed jgħid “erezija legali”.
Il-Prim Ministru qed jgħid li jekk l-inkjesta torbtu, anke remotement, ma’ Egrant, se jirriżenja. “Dan m’għandu jħallilina ebda dubju, li għandna Prim Miinstru li jaf il-verità”.
“Is-suspett mhux prova” qal Manuel Mallia. Lanqas tista’ s-suspett iddawru kif trid. Ma tistax tistrieħ fuq is-suspett, u dan huwa dritt fondamentali tal-bniedem.
Dan Simon Busuttil qed jagħmlu biex jipprova jinfluwenza l-vot, imma mhix kwistjoni ta’ vot. Hija kwistjoni ta’ drittijiet fondamentali.
Il-poplu hemm bżonn jirrealizza x’qed isir.