Il-Prim Ministru Joseph Muscat, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius u d-Deputat Laburista Luciano Busuttil ippreżentaw il-prijoritajiet tal-Partit Laburista fil-qasam sportiv.
PARTEĊIPAZZJONI F’ATTIVITAJIET SPORTIVI
Mira ewlenija nazzjonali se tkun li kull tifla u tifel taħt is-sittax-il sena jkunu parteċipattivi u attivi f’xi tip ta’ sport.
Għal tfal ta’ familji li għandhom dħul baxx, ikunu introdotti eżenzjonjiet minn kull ħlasijiet għall-parteċipazzjoni f’after school programmes ta’ SportMalta.
Nemmnu li kulħadd għandu jkollu d-dritt u l-opportunità li jagħmel attività sportiva.
KUMMERĊJALIZZAZZJONI TA’ FAĊILITAJIET SPORTIVI
Tingħata s-saħħa legali lill-għaqdiet sportivi biex jinvestu u jikkumerċjalizzaw il-faċilitajiet tagħhom bl-iskop li minn dawn l-attivitajiet huma jgawdu finanzjarjament. Dan huwa pass fundamentali biex l-għaqdiet sportivi jqumu fuq saqajhom u jkunu jistgħu jinvestu lura dawn il-profitti fl- isport u l-isportivi.
Ħafna għaqdiet sportivi issa ser ikollhom aktar serħan il-moħħ dwar dħul nanzjarju aktar b’saħħtu kif ukoll igawdu minn tisħiħ t-titlu legali li huma diġà jgawdu
GĦAJNUNA U INĊENTIVI GĦALL-GĦAQDIET SPORTIVI
Ikunu introdotti eżenzjonijiet lill-għaqdiet sportivi reġistrati ma’ SportMalta, mit-tariffi u l-ispejjeż tal-applikazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar għal proġetti sportivi.
L-għaqdiet sportivi reġistrati jingħataw pakkett ta’ inċentivi finanzjarji li jgħinuhom iħallsu anqas għall-konsum tad-dawl u l-ilma mill-attivitajiet sportivi tagħhom.
Tkompli tingħata għajnuna u inċentivi lill-għaqdiet Sportivi reġistrati ma’ SportMalta.
Ngħinu lill-għaqdiet sportivi reġistrati jinvestu f’enerġija alternattiva billi niddedikaw persentaġġ mill-iskemi mħabbra mill-Gvern speċifikament għall-għaqdiet sportivi, kif ukoll billi noħolqu grants fuq l-investiment kapitali.
SPORTS LEAVE
Jingħata leave bi ħlas (sports leave) lill-atleti tagħna li jipparteċipaw f’kompetizzjonijet ta’ timijiet nazzjonali.
Bl-istess mod ikomplu jkunu msaħħu u sostnuti skemi simili diġà eżistenti għall-atleti individwali.
AKTAR FAĊILITAJIET SPORTIVI
Jibdew diskussjonijiet dwar il-bini ta’ Kumpless Sportiv ġdid fil-Qawra u tkun evalwata wkoll il-possibbiltà ta’ parkeġġ taħt l-art.
Il-proġett ta’ riabilitazzjoni tal-landfill l-antika f’Ħal Luqa jkun jinkludi l-bini ta’ grawnd tal-futbol li jingħata b’titolu legali lill-klabb tal-futbol Valletta F.C. Ma tittieħed l-ebda raba’. Jinbnew grawnds tal-futbol ġodda fin-Naxxar u l-Marsa.
Gvern Laburista ġdid jidħol f’diskussjonijet mal-klabbs tal-waterpolo ta’ San Ġiljan u Marsaxlokk sabiex tkun studjata l-possibiltà ta’ bini ta’ pitch ġdid tal-waterpolo.
Flimkien mal-klabb ta’ Hibernians F.C., jinbena grawnd tar-rugby f’Għajn Dwieli.
SHOOTING RANGE
Jitwettaq l-proġett tax-shooting range f’Ta’ Kandja, li jkun skont dan il-pjan.