L-anzjani kienu fiċ-ċentru tal-ħidma ta’ Gvern Laburista matul dawn l-aħħar erbà snin. Kif spjega l-Prim Ministru f’konferenza tal-aħbarijiet, l-proposti tal-Partit Laburista huma msejsa fuq il-bżonnijiet tal-anzjani u se jkunu qed itejbu l-ħajja tagħhom.
Il-Prim Ministru spjega li Gvern Laburista jifhem li l-anzjani għandhom bżonn aktar flus fil-but u għalhekk dawn il-proposti se jkunu qed jassiguraw dan b’mod għaqli. Gvern Laburista għandu l-kredibilità f’dan il-qasam għaliex diġà wettaq dak li wiegħed.
Dawn huma l-proposti tal-Partit Laburista għall-anzjani:
EŻENZJONI MIT-TAXXA GĦALL-ANZJANI
Apparti ż-żieda fil-pensjonijiet, Gvern Laburista se jeżenta lill-anzjani mill-final withholding tax ta’ 15% sa massimu ta’ €1,000 fuq interessi fis-sena fuq investimenti li huma jagħmlu bħal ma huma depożiti f’banek, u interessi fuq bonds u stocks. Dan bl-għan li jkompli jiġi msaħħaħ l-livell tal-għixien tal-anzjani.
ŻIEDA FIL-BONUS LILL-ANZJANI LI MA ĦALLSUX BIŻŻEJJED BOLOL
Matul dawn l-erba’ snin, Gvern Laburista ta bonus lil dawk il-persuni li laħqu l-età tal-irtirar imma ma ħallsux biżżejjed bolol. Għalhekk, Gvern Laburista se jkun qed iżid dan il-bonus għal massimu ta’ €300 u dan jibqa’ jitħallas anke wara l-età ta’ 75 sena.
DJAR TAL-ANZJANI
Fil-leġiżlatura li jmiss, Gvern Laburista jkun qed jinċentiva u jixpruna investiment fil-qasam tad-djar tal-anzjani. Il-Gvern se jkun impenjat b’diversi proġetti fuq bażi ta’ public private partnership, fosthom:
- Bi proġett ta’ 500 sodda f’Għawdex
- Proġetti oħrajn f’Malta, fosthom fl-Imqabba u Birkirkara
Gvern Laburista jkompli jkabbar, jimmodernizza u jinvesti fid-djar tal-anzjani tal-Gvern, partikolarment f’St Vincent de Paul.
Ikomplu jitwessgħu u jittejjbu s-servizzi mgħotija anke permezz ta’ ingaġġ akbar ta’ professjonisti, terapisti u allied assistants.
Dan bl-għan li jinqatgħu darba għal dejjem il-waiting lists għad-djar tal-anzjani.