Tnediet konsultazzjoni pubblika bl-isem ta’ Path-Profeciency Acknowledgement in Tourism and Hospitality Initiative (PATH). Inizjattiva li għandha l-għan li tħalli impatt pożittiv fuq il-ħaddiema fis-settur turistiku.
Din il-konsultazzjoni pubblika se tkun miftuħa għall-ġimgħatejn illi ġejjin u qed issir wara li saru għadd ta’ workshops mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien mal-Imsieħba kollha involuti.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis tkellem dwar l-importanza li settur ikollu ħaddiema bil-ħiliet li huma meħtieġa u li jkunu sodisfatti bl-impjieg tagħhom u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Zammit Lewis innota kif din hi inizjattiva oħra li tinsab fuq l-istess linja mal-industrija tal-istrateġija tal-HR, li l-Gvern qed jimpliment tul dawn l-aħħar snin. Dan sabiex tiżgura li l-ħaddiema fl-industrija tat-turiżmu jikkunsidraw ix-xogħol li jkollhom bħala karriera u mhux sempliċiment xogħol.
PATH se tkun qed tgħaqqad flimkien lill-ħaddiema kif ukoll lil min iħaddem u anke dawn mill-qasam tal-edukazzjoni. Żied jgħid li l-għan aħħar ta’ PATH hu li tipprovdi opportunità ugwali lil partajmers u kif ukoll il-fultajmers fl-industrija tat-turiżmu sabiex tkun indirizzata l-isfida ta’ ċertu nuqqas ta’ ħiliet b’ħaddiema li forsi ma jkunux ikkwalifikati biżżejjed.