Fi stqarrija l-Forum Żgħażagħ Laburisti qal li jinsab serjament inkwetat bl-aħħar żviluppi dwar id-dibattitu illi mistenni jitella għada fl-Universita’ bejn il-mexxejja b’mod partikolari fuq kummenti li jistgħu jinċitaw vjolenza biex jintimidaw lill-istudenti illi mhux ser ikunu qed idoqqu l-istess qanpiena tagħhom.
F’chats ippubblikati minn diversi ġurnali, issa ħareġ biċ-ċar illi l-attivisti Nazzjonalisti huma saħansitra lesti sabiex jiksru saqajn attivisti tal-Forum Żgħażagħ Laburisti għaliex skont huma għandhom“mibgħeda” (hate) lejhom. Dan huwa diskors xokkanti u ta’ għajb u kkundanabbli mingħajr ebda riservi.
Fi kliem l-FŻL: “Dan kollhu jkompli jinkwetana għall-fatt illi jidher bl-aktar mod ċar illi l-organizzaturi ta’ dan id-dibattitu tilfu l-kontroll fl-organizzazzjoni ta’ dan id-dibatittu daqstant importanti. Telf ta’ kontroll illi jidher bl-aktar mod ċar mill-fatt illi ħarġu fid-deher problemi kbar fis-sistema ta’ reġistrazzjonijiet, reġistrazzjonijiet online li responsabbli tagħhom kien hemm il-Kunsill Studenti Universitarji. Irċevejna ħafna ilmenti minn studenti illi fil-ħinijiet illi kienet miftuħa din is-sistema ta’ reġistrazzjoni ma tħallewx japplikaw sabiex jattendu għal dan id-dibattitu sippost newtrali.
Huwa inkwetanti l-fatt illi għalkemm kien hemm talba ġenerali sabiex id-dibattitu jsir fuq barra u nġabret petizzjoni, sabiex b’hekk l-istudenti kollha jkollhom l-opportunita’ sabiex jipparteċipaw, l-organizzaturi għal raġunijiet illi jafu huma biss baqgħu jinsistu li jitella f’sala li tesa biss 800 ruħ, 800 ruħ illi l-maġġoranza assoluta tagħhom jidher illi ser ikunu kkontrollati u mmanipulati mill-Partit Nazzjonalista. L-istess organizzaturi njoraw għal kollox petizzjoni illi bdiet il-bieraħ sabiex id-dibattitu jsir fl-apert, petizzjoni illi diġa ġiet iffirmata minn madwar 2,500 ruħ.
Dan kollu jkompli jgħabbi lill organizzaturi b’ responsabilita’.”
Temmew billi appellaw għall-kalma u l-prudenza massima mingħand l-istudenti kollha illi għada ser ikunu qed jattendu dan id-dibattitu u jitħallew barra.