F’konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Ministru Edward Zammit Lewis u l-kandidat għall-elezzjoni ta’ Deputat Mexxej Stefan Zrinzo Azzopardi, saru numru ta’ osservazzjonijiet dwar l-iskema ta’ dejn sigriet tal-Partit Nazzjonalista u dak li għadu kemm ħareġ mill-Panama Papers.
Zammit Lewis u Zrinzo osservaw li fl-ewwel ċans li kellu ta’ kredibilità u influwenza politika, Simon Busuttil ħareg bl-iskema ta’ self sigriet ibbazata fuq il-ħabi. Sfidaw lil Simon Busuttil biex jippublika l-ismijiet lil min ħa jsellef il-flus, sabiex ikun żgurat li dawn mhux ġejjin minn sorsi lleċti. Innotaw ukoll li m’hemm xejn li jiggarantixxi li min isellef se jieħu flusu lura, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista.
Intqal li wieħed irid iqis li dawk li jissemmew f’Panama Papers kienu u għadhom marbuta m’amministrazzjoni li qatt m’għamlet xejn biex timplementa l-liġi tal finanzjament tal-partiti.
Minkejja li kien hemm żewg mozzjonijiet u saru protesti u ħafna diskorsi politici, dawn in-nies qatt ma resqu ‘l quddiem u qalu li kellhom rabtiet mal-gurisdizzjonijiet li tant kritika Simon Busuttil. Qatt ma resqu biex imqar jiddikjaraw li kellhom interess.
Fl-aħħar qalu li Simon Busuttil ma jistax juża riga mod għall-Partit Nazzjonalista u mod ieħor ghall-Partit Laburista.