Illum tnedew 12-il Key Performance Indicator (KPI) għas-Servizz Pubbliku. Dan huwa kunċett ġdid għas-Servizz Pubbliku, maħsub biex ikun hemm miri ċari li jridu jintlaħqu fi żmien stabbilit. Fil-fatt il-KPIs imnedija llum iridu jitwettqu fi żmien 100 jum.
Dawn il-KPIs, li jsegwu l-proġett pilota fis-settur tan-negozji fejn tnaqqas drastikament iż-żmien biex wieħed jiftaħ negozju f’pajjiżna, ikopru firxa wiesgħa ta’ oqsma li lkoll jolqtu liċ-ċittadin b’mod dirett.
Fil-qasam tal-enerġija, il-KPI se jara li meta persuna tapplika għal servizz ġdid tal-elettriku, l-ipproċessar tal-applikazzjoni u l-għoti tas-servizz isiru fi żmien 23 jum, jiġifieri ż-żmien jonqos b’aktar min-nofs. KPI ieħor se jara li f’każ ta’ qtugħ tas-servizz tal-ilma, dan jingħata lura fi żmien stabbilit.
Tnieda wkoll KPI biex jonqos l-assenteiżmu fl-iskejjel tal-istat, filwaqt li b’KPI ieħor se jinbeda servizz biex 700student b’diffkultà jingħataw għajnuna personalizzata.
Hemm ukoll KPI li jistabbilixxi perjodu minn meta jiġi reġistrat ilment minn konsumatur sa meta tingħata soluzzjoni għall-każ jew jiġi referut lit-Tribunal tal-Konsumatur.
KPI ieħor tnieda biex jitwaqqaf one-stop-shop fejn is-sidien tan-negozji jsibu s-servizzi kollha li jiġu bżonn miġburin taħt saqaf wieħed.
Fil-qasam tal-mard fit-tul, pazjenti li jidhru quddiem il-Bord Mediku se jitneħħielhom l-obbligu li jippreżentaw ċertifikat kull ġimgħa. B’hekk iċ-ċertifikati jonqsu bin-nofs. Barra minn hekk, il-Karta r-Roża issa se tibda tiġġedded b’mod awtomatiku f’każ ta’ benefiċċji mhux kontributorji – miżura li se taffettwa lil 4,700 kap ta’ familja.
Fil-qasam tal-ġustizzja tnedew żewġ KPIs: it-twaqqif ta’ Qorti Kummerċjali u sistema biex l-emendi fil-liġijiet ikunu aċċessibbli online.
KPI ieħor se jwassal biex it-total ta’ parks li għandhom servizz ta’ wi-fi b’xejn jitla’ għal sebgħa. Is-servizz ta’ wi-fi b’xejn se jigi introdott ukoll f’xi rotot tat-trasport pubbliku, f’KPI li se jilħaq madwar 200,000 passiġġier.
Il-bdiewa u r-raħħala wkoll se jgawdu mill-KPIs, billi se jingħataw għajnuna teknika biex isiru aktar kompetittivi fis-suq.
F’diskors li għamel waqt it-tnedija tal-KPIs, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan tal-lum mhux punt ta’ wasla imma punt ieħor ta’ tluq li jixhed il-progress li sar u l-bidla fil-kultura tas-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar erba’ snin. Żied jgħid li l-KPIs ifissru aktar trasparenza u mod aħjar kif jitkejlu r-riżultati miksuba. Huma wkoll sinjal kbir ta’ kuraġġ min-naħa tal-amministrazzjoni pubblika.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tas-Servizz Pubbliku, Mario Cutajar, qal li filwaqt li f’dawn l-aħħar erba’ snin ġiet indirizzata r-ruħ tas-Servizz Pubbliku, issa qed tiġi indirizzata l-qalb, jiġifieri l-magna li tħaddem lis-Servizz Pubbliku. Hawnhekk ir-regola ġenerali se tkun il-KPIs, li permezz tagħhom is-Servizz Pubbliku se jwettaq il-viżjoni tiegħu b’oġġettivi ċari li jaħdem biex jitwettqu.
Cutajar semma wkoll il-qabża kbira li għamel is-Servizz Pubbliku permezz tas-servizzi governattivi fuq il-mobile, fejn mistenni jkompli jsir aktar progress fiż-żmien li ġej. Fakkar fil-pożizzjoni ta’ Malta fl-ewwel post fl-Ewropa fejn jidħol e-government u qal li l-isfida issa hija biex Malta tibqa’ żżomm dan il-post.
Cutajar qal li mil-lum ukoll, is-Servizz Pubbliku għandu s-sit elettroniku tiegħu (publicservice.gov.mt) biex iwassal it-tagħrif kollu marbut miegħu.