L-ex Prim Ministru u Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew qal illum li l-Gvern Laburista għandu jingħata mandat ieħor biex imexxi l-pajjiż. Dr Sant qal li kemm ilu jsegwi l-politika f’Malta rari kellna r-rankatura ekonomika ta’ issa. L-MPE Malti qal li dejjem qies li biex Malta jirnexxielha tagħmel bidliet mill-qiegħ fit-tmexxija ekonomika u soċjali tagħha, jeħtiġilha tlaħħaq tkabbir reali sostnut ta’ bejn 3 u 5 fil-mija fis-sena. Fl-aħħar snin, hekk ġara. Fis-snin li ġejjin, dar-ritmu jrid jitkompla, sostna Dr Sant.
“Naturali li f’kampanja elettorali, il-mistoqsija kbira f’moħħ kulħadd tkun dwar min se jerbaħ. Fil-kampanja tal-lum, il-konvinzjoni tiegħi hi li l-gvern Laburista għandu jingħata mandat ieħor biex imexxi. Biss mistoqsija importanti hi: x’se jiġri wara tmiem il-kampanja elettorali meta jiġi fformat gvern ġdid? Se jkun baqa’ l-aħħar tliet ġimgħat tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea. Malajr jgħaddu. Wara tibqa’ l-isfida ta’ kif ir-rankatura ekonomika se tiġi sostnuta. Kemm ili insegwi l-iżviluppi ekonomiċi f’pajjiżna, u issa lanqas nitħajjar ngħodd is-snin li għaddew fuq hekk, rari kellna r-rankatura ta’ issa.” qal Sant.
FONDI EWROPEJ
Dr Sant qal li ż-żewġ partiti qed jipproponu programmi qawwija ta’ investiment fl-infrastruttura, l-aktar fit-trasport. Qed jagħmlu tajjeb, għalkemm forsi wieħed kien jistenna enfasi akbar fuq l-edukazzjoni, fejn għadna lura, imqabbla ma’ pajjiżi Ewropej oħra.
“Madankollu l-probabbiltà hi li se jkun hemm anqas u anqas fondi Ewropej disponibbli għal Malta biex twettaq il-proġetti mfassla. It-titjib ekonomiku tal-aħħar snin tellagħna ’l fuq mal-kejl tal-pajjiżi li huma tat-tajjeb. Allura se tonqsilna biċċa mill-kejk ta’ fondi “bl-irħis” li joħorġu mill-Unjoni Ewropea. Raġuni oħra x’aktarx tkun li bit-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea se jonqos l-ammont ġenerali ta’ flejjes li minnhom tiddisponi l-Unjoni. Il-Brittaniċi huma (jew kienu) it-tieni l-akbar kontributur ta’ fondi fil-baġit Ewropew.”
MAĠISTRAT FUQ KORRUZZJONI
Dr Sant qal li l-ironiji tal-ħajja politika kważi ma jieqfu qatt. Il-PN qed jipproponi li għall-kontroll aħjar tal-korruzzjoni, jinħatar maġistrat inkwirenti speċjali li jingħata poteri akbar ta’ investigazzjoni, u jekk fhimt tajjeb, riżorsi tiegħu biex jinvestiga.
“Issa dan hu l-istess proġett li bejn l-1996 u l-1998, mill-amministrazzjoni Laburista ta’ dak iż-żmien imbottajna ’l quddiem. Kellna abbozz ta’ liġi qed jitħejja. Personalment, minn dejjem qiest li m’hemmx mod aħjar kif il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-abbużi ta’ poter statali tista’ titmexxa b’xi suċċess.
Dak iż-żmien, il-PN kien għal kollox kontra. B’mod konfidenzjali, sirt naf li kien bagħat il-“messaġġiera” tiegħu biex jiżguraw li titqanqal reżistenza wiesgħa għall-proposta. Balleċ, il-ġudikatura indikat li mhix qed taqbel u qed tħossha mdejqa bl-idea. Ir-rappreżentanti tal-avukati l-istess. Riedu li l-biċċa tindifen.’
Dr Sant qal li l-iskuża kienet li l-proposta mhix konsonanti mal-istrutturi li jirregolaw il-ġustizzja u l-ġudikatura f’pajjiżna – u mal-mod kif jaħdmu difiża u prosekuzzjoni. “Issa, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed terġa’ tipproponiha. X’inbidel mill-1997 lil hawn?” staqsa l-Ewroparlamentari Malti.