L-Aġenzija ta’ Kontra l-Frodi tal-Unjoni Ewropea, l-OLAF mistennija tintalab tinvestiga l-iskema ta’ frodi minn fondi Ewropej tal-Partit Nazzjonalista dan skont il-gazzetta t-Torċa.
Skema li hu stmat li biha l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti taw man-nofs miljun ewro fondi tal-Parlament Ewropew lill-Partit Nazzjonalista, bi ksur sfaċċat tar-regoli Ewropej.
Kienet il-gazzetta Kullħadd li l-Ħadd li għadda żvelat bil-provi kif minn dan il-fond tħallas ukoll John Zammit, wieħed mill-istrateġisti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista, biex jagħmel xogħolijiet għal Simon Busuttil.
Zammit tniżżel bħala uffiċjal tal-accounts fil-lista ta’ impjegati ta Therese Comodini Cachia, iżda issa kien ikkonfermat kif fil-verita qatt ma ċċaqlaq mill-uffiċju tiegħu fid-dar Ċentrali.
L-unika differenza kienet li wara li telgħet fil-Parlament Ewropew Comodini Cachia, il-paga tiegħu bdiet toħroġ mill-Parlament Ewropew, anka jekk il-ħidma tiegħu baqgħet l-istess- dik li jattakka u jikteb bl-iktar mod salvaġġ kontra l-Partit Labusita mill-kariga t’editur politiku tal-midja tal-Partit Nazzjonalista u jiddirezzjona lil Simon Busuttil, jagħmel l-istess.
Bħall-iskema tal-kiri tal-uffiċini din hi xi ħaġa li mhix permessa bil-fondi Ewropej u fejn ġrat f’pajjiżi oħra ttieħdu passi mill-iktar serji. Sorsi tal-gazzetta t-Torċa qabblu l-iskema tal-PN ma’ skema ta’ frodi mħaddma mill-kandidata presidenzjali ta’ Franza Marine Le Pen, li għaddejja investigazzjoni fuq kif għaddiet flus lill-Partit tagħha.
B’ dawn il-fatti quddiema l-OLAF qegħda fid-dmir li tiftaħ minnufih investigazzjoni fuq il-Partit Nazzjonalista.
Sa issa Simon Busuttil ma laqax l-isfida li jmur hu bil-kaz biex juri li mghandux x’jaħbi. L-iskema ta’ frodi minn fondi Ewropej hija t-tielet waħda għall-Partit Nazzjonalista li hija mdawra minn dubbji u llegalitajiet.
L-ewwel waħda kienet l-iskema ċedoli, warajha kien hemm l-invoices foloz tad-DB u issa hemm din li qed tkompli titfa’ dubji kbar dwar il-kondotta ta’ Simon Busuttil fit-tmexxija finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista.