Il-Korp tal-Pulizija għamel referenza għal rapporti fil-midja internazzjonali dwar malware attack li sar fl-aħħar ġranet u li jidher li affetwa numru ta’ pajjiżi madwar id-dinja.L-attakk seħħ permezz ta’ virus li ħakem il-files tal-individwi u talab pagamenti. Esperti qed iwissu biex kumpaniji jiżguraw li għandhom sistema ta’ sigurtà tajba.
Il-Pulizija ikkonfermaw li s’issa, għadhom ma daħlux rapporti mingħand individwi jew entitajiet lokali li ġew affetwati. Peress illi l-attakk beda fi tmiem il-ġimgħa, mhuwiex eskluż li seta kien hemm individwi u/jew entitajiet lokali li ġew milquta minn dan l-attakk iżda għadhom mhumiex konxji li ġew vittimizzati.
Is-Cyber Crime Unit tal-Pulizija qegħda f’kuntatt ma’ entititajiet oħrajn sabiex kwalunkwe informazzjoni li hija disponibbli dwar dan l-attakk, u l-implikazzjonijiet tiegħu lokalment, tkun magħrufa mill-partijiet kollha minnufih.
Irid jiġi spjegat li minħabba n-natura globali tal-internet, mhuwiex eskluż li jista’ jkun hemm xi kompjuters ġewwa Malta li jistgħu jiġu esposti għal dan l-attakk. Għaldaqstant, l-element ta’ prevenzjoni huwa importanti immens sabiex tiġi ssalvagwardjata l-integrita` u s-sigurta` tal-mezzi tal-informatika li wieħed qed iħaddem.
Attakki bħal dawn jisfruttaw vulnerabiltajiet eżistenti fil-mezzi tal-informatika. Il-Pulizija qalet li huwa importanti li l-operating system u programmi oħrajn fuq il-kompjuter jinżammu dejjem aġġornati u li l-kompjuter ikun protett minn programmi ta’ sigurta` bħall-antivirus software. Huwa daqstant ieħor importanti li tinżamm back-up tal-informazzjoni f’post sikur.
Persuni li għandhom xi diffikultajiet huma mħeġġa sabiex jagħmlu kuntatt mas-Cyber Crime Unit tal-Pulizija fuq 2294 2231 jew computer.crime@gov.mt