Mara ta’ 43 sena residenti l-Gżira sfat misruqa waqt li kienet fi triqtha lejn il-post tax-xogħol. Din is-serqa seħħet għall-ħabta tal-5.30 meta waqt li kienet miexja, ħareġ raġel minn karozza u beda jsegwiha.
Meta l-mara minn Triq Camerona waslet fi Triq il-Flotta, ir-raġel mar għal fuqha u allegatament heddidha b’sikkina. F’dan il-mument ħatfilha l-basket u ħarab jiġri minn fuq il-post. X’ħin il-mara sfat attakkata, marret titlob l-għajnuna fl-Għassa tal-Gżira u ngħatat l-ewwel assistenza.
Huwa mifhum li l-ħalliel kien qed jisraq mill-karozza li kien fiha hekk kif ftit tal-ħin wara sar rapport minn sid il-karozza li sabha sgassata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.