Dikjarazzjonijiet ta’ Simon Busuttil dwar il-bank Pilatus sfumaw fix-xejn meta l-gazzetta Illum żvelat li kien l-eks Ministru Tonio Fenech l-ewwel li nnegozja biex il-bank Pilatus jiġi Malta.
Fl-aħħar ġimgħat Simon Busuttil prova jagħti l-impressjoni li l-bank Pilatus ġabu Malta l-Prim Ministru, anke jekk Prim Ministru ma jkollu x’jaqsam xejn ma liċenzja ta’ bank ġdid.
Iżda, minbarra li kien imgiddeb minħabba hekk issa rriżulta li kien Ministru ta’ gvern nazzjonalista l-ewwel li laqa’ b’ferħ l-interess ta’ Seyed Ali Sadr Hasheminejad li jiftaħ bank f ’Malta wara li kien qed jikkunsidra li jiftaħ il-bank Pilatus ġewwa l-Awstrija.
Tant hu hekk li kien f ’Lulju 2012 li Pilatus Bank għamel applikazzjoni li jinfetaħ il-bank f ’Malta, wara li Fenech kien ħajru biex il-bank jiftaħ Malta bħala parti mill-pjan tal-Gvern Nazzjonalista li jsaħħaħ il-qasam tas-settur finanzjarju permezz tal-private banking.
Infatti ħafna mill-kuntatt preliminari sar ma’ ditti magħrufin, fosthom KPMG u Camilleri Preziosi associates. Apparti kollox, anki l-membri tal-bord tal- bank kienu kollha nies li żgur mhux magħrufin bħal segwaċi jew simpatizzanti tal-Partit Laburista.
Fil-fatt l-ewwel każ kontra s-suppost whistleblower Russa sar mill-avukat Joe Giglio, li mbagħad rrinunzja milli jirrapreżenta lill-istess bank. Tonio Fenech kien uża wkoll is-servizzi ta’ Henley & Partners il-konċessjonarji tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, li wkoll spiċċaw fil-mira tal-Partit Nazzjonalista wara li dawn ħadmu mal-gvern preżenti. Peró Tonio Fenech kien ifaħħarhom bil-kbir.