Salvador Sobral huwa l-kantant li saħħar lis-segwaċi tal-Eurovision bis-sinfonija tal-kanzunetta li biha rnexxielu jirbaħ dan il-festival, Amar Pelos Dois.
Ir-rebħa tal-Portugall hija l-ewwel waħda fl-istorja tal-Eurovision, u d-diska ta’ Sobral li l-ħoss tagħha mhux il-ġeneru li nisimgħu s-soltu fil-Eurovision irnexxielha tbiddel id-destin sa mis-sena 1964, biex issa dan il-pajjiż se jospita l-Eurovision.
Iżda meta lil Salvador sejħulu s-salvatur il-ġdid tal-Portugall, qalhom li s-salvatur jibqa’ Ronaldo hekk kif fl-2016 il-Portugall rebaħ il-kampjonat tal-Euro. Kien hemm min innota ukoll, li l-ewwel darba li rebħet il-Greċja b’Helena Paparizou ukoll kien fl-Ukraina u kumbinazzjoni kien sena wara li l-Ġreċja rebħet il-Euro ukoll.
Il-kanzunetta, ‘Amar Pelos Dois’ li tfisser ‘For the Both of us’, inkitbet minn oħt Salvador Sobral, Luisa Sobral, li mat-tħabbira li kienet il-kanzunetta rebbieħa ħarġet fuq il-palk ma’ ħuha u kantaw flimkien bi tbissima liema bħalha fuq fommhom.
Il-kantant għandu 27 sena u f’poll li sar fit-12 ta’ Mejju kien propju l-favorit li jirbaħ wara li rnexxielu jgħaddi mis-semi-finali.
Nistqarru li r-reazzjoni ta’ Salvador kienet ukoll waħda differenti minn dawn li rajna s-soltu mill-kantanti rebbieħa hekk kif l-ewwel kliem li lissen wara li ngħata t-trofew tar-rebħa kienu ” Dan fenomenu, sabiħ li tirbaħ iżda sa x-xahar id-dieħel ħadd m’hu se jiftakar, dik hija d-dinja li ngħixu fiha. Li hu mportanti li aktar mużiċisti jkomplu jagħmlu l-mużika.”
Sfortunatament, il-kantanta Maltija Claudia Faniello ma rnexxiliex tagħmilha għall-finali tal-Eurovision ta’ din is-sena. Fir-riżultati ppubblikati uffiċjament fuq is-sit elettroniku tal-Eurovision, intqal li Claudia Faniello kklassifikat fit-tmien post mill-ġurija esperta iżda ma ġabet ebda punt mit-televoting. Għalhekk, Malta kklassifikat fis-16-il post fit-tieni semi-finali.