Jeffrey Cassar ta’ tnejn u tletin sena mill-Mosta, Dylan Cardona ta’ tnejn u għoxrin sena minn San Pawl il-Baħar u Albina Ryabinina ta’ dsatax-il sena mir-Russja u residenti is-Siġġiewi kienu akkużati li pruvaw jisirqu minn magni tal-logħob f’San Pawl il-Baħar.
Cassar u Ryabinina kienu akkużati wkoll li serqu flus mill-Qawra Palace Hotel iktar kmieni dax-xahar.
Ir-Russa kienet akkużata b’kompliċità fir-reat tas-serq aggravat, b’Cassar akkużat ukoll li kien riċediv.
L-avukat tad-difiża informa lill-Qorti li Cardona biss ammetta l-akkużi, filwaqt li Cassar u Ryabinina wieġbu mhux ħatja.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnat li jsir rapport qabel tingħata sentenza lil Cardona, hekk kif il-verdett fuqu se jingħata nhar l-Erbgħa.
Huwa se jinżamm fil-kustodja tal-pulizija, l-istess bħal Cassar u Ryabinina, bit-talbiet tagħhom għall-ħelsien mill-arrest ma kinux aċċettati.