Milqugħ minn folla numeruża għatxana għal diskors ieħor pożittiv b’viżjoni għal pajjiżna għas-snin li ġejjin, il-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza attività politika fix-Xewkija Għawdex.
Wieħed u għoxrin jum bogħod mill-ġurnata tal-elezzjoni, il-Prim Ministru fakkar fl-għażla li qed jaffaċċja l-poplu Malti u Għawdxi : jekk niqfux nofs triq jew inkomplux mexjin ’il quddiem f’din il-ħolma Maltija.
B’entużjażmu u enerġija għal li ġej, Joseph Muscat qal li jekk jerġa’ jingħata l-fiduċja, “anki l-baġit li ġej ikun wieħed qisu ta’ qabel l-elezzjoni avolja jkun wieħed ta’ wara l-elezzjoni ġenerali, għaliex għandna l-kredibbiltà. Għandna pjan. Nafu fejn sejrin. Nafu li l-proposti tagħna jistgħu jitwettqu.”
Wara ġimgħa impenjattiva li flimkien ma’ diversi Ministri, ħabbar proposti f’numru ta’ setturi, il-Prim Ministru tenna li dawn il-proposti huma realistiċi bbażati fuq il-prinċipji.
Proposti li wiegħed li se jitwettqu; b’garanzija t’erba’ snin fl-isfond meta dan il-Gvern żamm kelmtu mal-poplu Malti u Għawdxi, u hekk se jibqa’ jagħmel.
Għall-kuntrarju, il-pajjiż għandu Oppożizzjoni li minbarra li mhi xejn għajr koalizzjoni ta’ konfużjoni, il-Kap tagħha qed jippreżenta proposti li ma jagħmlux sens. U mhux hekk biss, imma ħafna minnhom jew diġà saru minn dan il-Gvern, jew se jsiru wara li ħabbarhom fil-baġit li għadda.
U minflok joħroġ bi proposti biex iġib l-investiment, innota l-Prim Ministru, qed jaħlef li l-ewwel ħaġa li jagħmel jekk jirbaħ il-Gvern, ineħħi investiment multi-miljunarju ta’ Barts f’Għawdex li permezz tiegħu s-settur tas-saħħa f’Għawdex se jara servizzi ġodda u tal-ogħla kwalità.
Dwar dan l-investiment, il-Prim Ministru ħabbar li diġà hemm il-konferma li fl-aħħar tas-sena, dan l-investiment se jara l-ewwel tletin student barrani għal Għawdex. Numru li se jiżdied għal kważi mija fi ftit tax-xhur.
Joseph Muscat spjega kif studji u stimi li saru juru li mat-tliet mitt student flimkien mal-familji tagħhom se jħallu fi bwiet l-Għawdxin mal-erba’ miljun ewro fis-sena.
Apparti minn hekk, mal-ħamest’elef pazjent li huma ppjanati li jiġu Għawdex għall-kura permezz ta’ dan l-investiment, mistennija jħallu fi bwiet l-Għawdxin mal-ħamsin miljun ewro oħra fis-sena.
U dan investiment wieħed biss – fakkar il-Prim Ministru – għaliex dan huwa Gvern b’viżjoni ċara għall-gżira tat-tliet għoljiet – bi track record li jagħti kredibbiltà u riżultat wara ieħor li qed jiżboq kull aspettativa.
Għaldaqstant, issa aktar minn qatt qabel, l-għażla fit-tlieta ta’ Ġunju hija ċara.