Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, intlaqa’ minn ammont kbir ta’ żgħażagħ fit-Tiguglio, San Ġiljan. Magħhom tkellem dwar għadd kbir ta’ temi li jolqtuhom. Fil-fatt kienu huma li staqsew. Fost oħrajn staqsew dwar liġijiet meqjusa bħala diskriminatorji għad-DJs fejn il-Maltin huma żvantaġjati ma’ mużiċisti barranin f’pajjiżna stess. “Ma kontx konxju tagħha. Imma mhux qiegħda sew,” qal Joseph Muscat li fisser kif il-Partit Laburista se jkollu sezzjoni fil-manifest fejn is-sistema tiġi l-istess għal kulħadd.
Tkellem dwar temi oħra. Fosthom id-drittijiet ċivili u għal darb oħra mmarka l-prinċipji differenti bejnu u bejn Simon Busuttil. Fisser kif fl-aħħar xhur daħlet il-Morning After Pill u Simon Busuttil għażel kandidat li ddeċieda li fl-isptarijiet tiegħu ma tinbigħx. Fisser kif għalkemm jirrispetta din id-deċiżjoni, din turi d-differenza fil-prinċipji.
Maż-żgħażagħ tkellem ħafna dwar is-sistema edukattiva u anke dwar ir-regolarizazzjoni tal-kannabis. Fl-aħħar nett tkellem dwar il-pajjiż li jrid. “Aħna ċari u liberali. Moviment ki jrid dan il-pajjiż mhux ikun ristrettiv imma jkun miftuħ,” qal Joseph Muscat.