- Il-protezzjoni u t-tfittxijiet għall-isplussivi mill-Pulizija imsaħħa b’ħames belgian shepherds wara programm ta’ in-house breeding & training
Il-Korp tal-Pulizija illum laqa ħames membri ġodda fil-grad ta’ surġenti b’differenza. Ħamest iklieb tar-razza Belgian Shepherd magħrufa bħala Malinois, ingħaqdu mat-Taqsima tal-Klieb fil-ħidma tal-Pulizija favur il-protezzjoni taċ-ċittadin u l-ġlieda kontra l-kriminalità.
Il-klieb bl-isem ta’ Kira, Janco, Sky u Tuzzi huma mħarrġa u se jingħaqdu mas-sezzjoni tat-tfittxijiet għall-isplużjonijiet filwaqt li l-kelb l-isem ta’ Chase huwa mħarreġ u se jkun qed jaħdem bħala kelb tal-protezzjoni.
Dan kien possibli, wara li sena ilu fit-Taqsima tnieda programm ta’ ‘in-house breeding’ u kien hemm it-twelid ta’ sebat iġriewi. Issa li dawn il-ġriewi għalqu ftit aktar minn sena u għaddew minn proċess ta’ selezzjoni, ħamsa minnhom temmew b’suċċess it-taħriġ bażiku. Dan il-programm ta’ inhouse breeding li kien imniedi bala proġett pilota ser ikompli jiġi żviluppat.
Waqt din iċ-ċerimonja l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela tkellem fuq il-ħidma tant siewja li tagħmel it-Taqsima tal-Klieb tal-Pulizija, li wriet li kienet ukoll ippreparata għall-avvenimenti kbar tal-pajjiż. Semma’ li b’kollox din it-Taqsima illum għandha 32 kelb wieħed mill-akbar numri li kellha fl-aħħar snin, fejn issa laħqet il-full complement tagħha fejn kull canine instructor għandu kelb personali.
Il-Ministru Abela ta’ ħarsa lejn il-ħidma li għamlu t-tliet sezzjonijiet ta’ din it-taqsima fejn mill-2016 sa llum il-ġurnata fil-qasam ta’ tfittxijiet għal materjal splussiv il-klieb għamlu 655 tfittxija. Fil-qasam ta’ tfittxijiet kontra sustanza illeċita għamlu 58 tfittxija u fil-qasam tal-protezzjoni dawn ġew utilizzati 368 darba.
Huwa tkellem ukoll fuq il-ħiliet tal-‘canine instructors’ li b’dedikazzjoni jindukraw u jħarrġu lil klieb. Hawn huwa qal kif bħalissa għaddejin diversi laqgħat bejn it-Taqsima tal-Klieb tal-Pulizija u l-bord tal-Akkademja għal Korpi Dixxiplinati sabiex jitfassal programm ta’ taħriġ ġdid għal canine instructors tal-Pulizija. Żied jgħid li l-ħsieb hu li dan il-programm ta’ taħriġ ikun estiż għal canine instructors tal-korpi l-oħra; il-Protezzjoni Ċivili u l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Fl-aħħar snin riċenti sar investiment ukoll fis-sezzjonijiet tal-K9 tal-Protezzjoni Ċivili u l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Fil-Faċilità f’Kordin il-K9 illum ma baqgħux pets tal-priġunier imma qed jiġu utilizzati bis-serjetà fil-ġlieda kontra sustanza illeċita u fil-Protezzjoni Ċivili dawn qed jiġu utilizzati f’operazzjoniiet ta’ tiftix u salvataġġ.
Tlieta minn dawn il-klieb li ssieħbu illum mal-Pulizija huma tas-sess femminili u tnejn minnhom huma tas-sess maskili. Il-klieb tal-Pulizija huma deskritti bħala membri with an added value għaliex f’ċerti oqsma il-kapaċitajiet tagħhom imorru oltre mill-kapaċità tal-bniedem.