“Lanqas nista’ nemmen li ħallejtna daqshekk malajr ħabib tiegħi. Għalija int ma kontx biss kollega imma ħabib mill-aħjar.” Dan kien biss wieħed mill-mijiet ta’ kummenti fuq il-profil ta’ Raymond Cassar, ir-raġel li miet mewta traġika, lbieraħ filgħaxija. Raymond tilef ħajtu wara li nqabad taħt lift fi blokka ta’ bini fil-Ħamrun. Minkejja, t-tentattivi li saru mill-Pulizija u l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili d-destin tar-raġel kien miktub u ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Kienu ħafna li stqarru li ma jistgħux jemmnu din l-aħbar, “ħabib għażiż kif qatt seta jiġri dan, ma ridtx nemmen meta smajt l-aħbar li kont int!” Li Raymond Cassar kien maħbub u rispettat ħafna hija xi ħaġa li tidher biċ-ċar mill-kummenti li għamlu l-ħbieb u l-qraba tiegħu.
“B’qalbi maqsuma ngħidlek li se tibqa’ imfakkar għall-qalb kbira li dejjem urejt ma’ kulħadd u għal persuna li dejjem lest tnissel tbissima fuq fomm kulħadd, Strieħ fi sliem Raymond għax jixraqlek.”
Kuġina tal-vittma kellha ukoll messaġġ emozzjonali għal Raymond u qaltlu biex jagħti lin-nanna tagħhom bewsa kbira u biex jitlob għal ommu u għal ħutu u għall-maħbuba tiegħu mis-sema.