Il-Maġistrat Joseph Mifsud għamel mandat ta’ arrest kontra l-kandidat Nazzjonalista għal Għawdex Ryan Mercieca.
Dan wara li naqas li jidher fil-Qorti għal smigħ ta’ kawża mingħajr ebda raġuni. Minkejja li l-kandidat Nazzjonalista ġie msejjaħ diversi drabi fl-awla tal-Qorti, sa siegħa wara kien għadu ma tfaċċax.
Fid-dawl ta’ dan, il-Maġistrat ordna biex għas-seduta li jmiss Ryan Mercieca jitressaq taħt arrest filwaqt li ġie mmultat €350. Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista huwa mixli li hedded lit-teżorier tal-assoċjazzjoni tal-NGOs f’Għawdex, Joseph Camilleri. Ryan Mercieca huwa s-Segretarju tal-istess assoċjazzjoni.
Mercieca huwa akkużat li hedded lil Camilleri fi tmiem kawża ta’ libell li l-kandidat Nazzjonalista għamel kontra t-Torċa li ppubblikat storja b’rabta ma’ dokumenti fuq fondi mill-UE.
Huwa allegat li fi tmiem is-seduta, l-kandidat Nazzjonalista qal lil Camilleri “li issa ġejja tiegħek”.