L-Assoċjazzjoni Sports Muturi u Karozzi laqgħet b’sodisfazzjon il-proġett għaċ-ċirkwit għat-tlielaq tal-karozzi u l-muturi li se jkun qed jitwettaq minn Gvern Laburista wara ħamsin sena stennija. L-ASMK talbet ukoll, biex issa li ż-żona li fiha se jkun qed isir iċ-ċirkwit għat-tlielaq tal-karozzi u l-muturi, t-trakka titlesta fl-iqsar żmien biex dawk id-dilettanti kollha li jipprattikaw dixxiplini tal-motorsports ikollhom ċirkwit alternattiv.
Il-federazzjoni qalet fi stqarrija li lesta li toffri kull għajnuna fil-parametri tagħha dwar dan il-proġett. L-assoċjazzjoni għamlet ukoll referenza għall-kjarifika li għamel is-Segretarju Parlamentari għall-isport Chris Agius li rrimarka li t-trakka mhux se tkun ta’ ostaklu għal faċilitajiet li diġà qegħdin hemm.
Il-Malta Motorsport Federation, l-MMF ukoll laqgħet bl-ikbar sodisfazzjon il-proposta tal-Partit Laburista għal trakka f’Ta Qali.
Għalhekk, dan il-proġett tant mistenni mwettaq mill-Gvern Laburista se jkunu qed igawdu minnu d-dilettanti tal-karozzi u muturi filwaqt li joffri serħan il-moħħ lil dilettanti ta’ sport ieħor li m’hux se jkunu affettwati minn din it-trakka.