Miet iż-żagħżugħ Irlandiż ta’ 23 sena li aktar minn ġimgħa ilu waqa’ minn fuq is-sur tal-Birgu.
Cheyne Halliday ilu madwar disat ijiem f’coma jissielet għal ħajtu l-Isptar Mater Dei. Hu kien qiegħed jinżamm ħaj permezz ta’ magni fejn dawn intfew il-Ġimgħa wara li sofra minn ġrieħi serji f’rasu.
Cheyne twieled l-Irlanda u għex Edinburgh għal din l-aħħar sena, fejn kiseb popolarità permezz tal-mużika li hu tant iħobb.
Hu kien jagħmel parti minn grupp mużikali jismu Metro Mafia u għadd ta’ segwaċi, kif ukoll membri tal-grupp, ħallew diversi messaġġi fuq il-midja soċjali biex ifakkru l-memorja tiegħu.
Ħbieb u membri tal-familja rnexxielhom jiġbru madwar £14,000 biex isiefru lil Cheyne lura lejn ir-Renju Unit sabiex jirċievi t-trattament neċessarju, iżda dan kien kollu għalxejn.