Fil-ġranet li ġejjin uffiċjali tal-pulizija se jibdew iqassmu fid-djar id-dokumenti tal-vot tal-Elezzjoni Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju, 2017.
Il-Kummissjoni Elettorali informat lill-votanti li dan id-dokument magħmul minn materjal sintetiku hu differenti minn dak li kien jintuża s-soltu f’elezzjonijiet tal-passat. Fejn qabel kien ikun magħmul minn karta miksija bil-plastic, din id-darba se jkun magħmul minn materjal sintetiku li minnu nnifsu hu sigur u li m’hemmx bżonn li jkun miksi bil-plastic.
Dan hu dokument li kull votant għandu jieħu ħsieb li jerfgħu f’post sigur sabiex fil-jum tal-votazzjoni jkun jista’ jieħdu miegħu biex jivvota fil-post tal-votazzjoni indikat fuq id-dokument. Ħadd ma jkun jista’ jivvota mingħajr dokument tal-votazzjoni.