Il-Kap tal-Oppożizzjoni indirizza meeting tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Balzan.
Quddiem folla armata sa snienha bil-bnadar tal-maduma, tant li l-ftit bnadar ta’ Malta bilkemm dehru, Simon Busuttil, qal li l-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju hi elezzjoni straordinarja.
L-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali, Simon Busuttil, spiċċaha kif bdiha. Jilmenta li se jkun qed jiffaċja lil Joseph Muscat fit-3 ta’ Ġunju.
Simon Busuttil qal “Missu rriżenja u telaq mill-politika.”
Mill-bqija Busuttil iddedika l-maġġoranza tal-kumplament tad-diskors tiegħu biex jirrepeti dak li qal filgħodu fil-Birgu u taħt kull tinda fl-aħħar ġimgħa. Attakka lill-Avukat Ġenerali u lill-Kummissarju tal-Pulizija fost oħrajn u ġġustifika l-fatt li mhux qed jitkellem dwar il-proposti.
Skont hu dan għax il-proposti huma dar sabiħa u hu għadu ma wasalx s’hemm għax qed jibni l-pedament.
Busuttil qal li “kulħadd irid dar sabiħa. Imma dawk huma l-proposti. Biex id-dar tkun mibnija jrid ikun hemm il-pedamenti. U jien qed nitkellem fuq il-pedamenti”