F’Ħaż-Żabbar il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-għażla qatt ma kienet ċara daqs illum.
Fuq naħa hemm moviment b’saħħtu, li wettaq dak li wiegħed. Li saħħaħ l-ekonomija. Li għamel minn dan il-pajjiż mudell ta’ soċjeta’ li toħloq il-ġid u tqassmu ma’ dawk li l-iktar għandhom bżonn.
Moviment li għad għandu l-enerġija kollha jmexxi Malta tagħna ‘il quddiem. Kif intwera din il-ġimgħa, bi proposti serji u maħsuba, li se jkomplu jsaħħu pajjiżna.
U fuq naħa oħra, qal Muscat, il-poplu qed jinduna li hemm baħħ. Koalizzjoni ta’ konfużjoni li ntefgħet tgħajjar, tigdeb u tħammeġ mingħajr ma toffri xejn. Anzi – l-unika ħaġa li pproponiet li tagħti għaxart elef ewro lil xi ħadd biex imur jgħix Għawdex. Imma la jafu kemm se tiswa’, la kif se taħdem. Lanqas għandhom idea min se joħodha.
Għaldaqstant, l-għażla bejn moviment sod u koalizzjoni ta’ konfużjoni qatt ma kienet daqstant ċara, qal Muscat.
“Ġimgħa ilu tlabtkom tweġbuni. Tridu tkomplu timxu t-triq ‘il quddiem miegħi?
U r-risposta ħadniha. Kontu magħna tul din it-triq. U llum qed tkomplu tikkonfermaw li se tibqgħu magħna biex nimxu, anzi niġru ‘il quddiem.”
Joseph Muscat qal li din l-amministrazzjoni qed tiġi ‘l quddiem bir-riżultati. U qed ngħidulkom. Bit-tajjeb u l-ħażin, il-poplu jista’ jiġġudika fuq dak li għamlet din l-amminsitrazzjoni u dak li jonqosna nagħmlu. M’aħniex ngħidulkom għamlu pass fid-dlam u mbagħad ngħidulkom fl-ewwel mitt jum xi tkunu għamiltu b’idejkom.
“Miegħi tafu eżatt fejn qiegħdin.”
Il-Prim Minsitru u mexxej Laburista fakkar li żamm kelmtu mal-poplu u raħħas u il-kontijiet. Naqsu t-taxxi għal kulħadd. Żdiedu l-istidipendji għall-istudenti. Żdiedu l-pensjonijiet għall-anzjani. Ingħata ċ-childcare b’xejn għall-ommijiet u l-missirijiet. Ingħataw iktar benefiċċji soċjali lil min l-iktar li għandu bżonn u nqata’ l-abbuż. Ingħatat liż-żgħażagħ tagħna għajnuna ta’ eluf ta’ ewro li jibqgħu f’buthom biex jixtru l-ewwel dar tagħhom. Ingħataw tablets lit-tfal kollha fir-raba’ sena ta’ skola biex ħadd ma jibqa’ lura.
Sar dan u ħafna aktar, qal Muscat, u “għax tafu li żammejt kelmti, tafu wkoll li se nerġa’ nżomm kelmti fuq il-proposti li qed nagħmlu.”
Qal li bdew l-ewwel sigħat tal-kampanja bil-proposti li jistgħu jsiru għax issaħħet l-ekonomija. Proposti responsabbli. Li jkomplu jsaħħu l-ekonomija b’responsabbiltà u li jibqgħu jagħtuna surplus fil-finanzi tal-Gvern. Dak is-surplus jitqassam ma’ dawk li l-aktar għandhom bżonn.
Din l-amministrazzjoni bdiet bit-taxxi, għax temmen li l-bżulija għandha tkun ippremjata. B’hekk hemm familji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu li se jieħdu mill-inqas rifużjoni fit-taxxa ta’ €400. Min jaqla’ l-inqas – anke dawk li ma jħallsux taxxa – se jiehdu lura sa €680 f’sena. Kull persuna li taħdem fil-familja se tiehu lura rifużjoni fuq it-taxxa li tħallas. “Għax il-ġid inqassmuh, b’ġustizzja.”
Joseph Muscat qal li x-xogħol f’Malta qed jiġri wara n-nies. U għax din l-amministrazzjoni trid tippremja lil min irid jaħdem iktar, min jaħdem xogħol part-time, se titnaqqaslu t-taxxa wkoll minn 15% għal 10%.
U għax Gvern Laburista jemmen li għandu jinċentivaw l-istudju f’livelli ogħla u jridu li pajjiżna jkollu iktar gradwati fil-livell ta’ Masters u iktar riċerka f’livell ta’ PhD, il-Partit Laburista qed iwiegħed li jagħtu sena eżenzjoni mit-taxxa għal min jiggradwa f’livell ta’ Masters u sentejn eżenzjoni mit-taxxa għal min jiggradwa f’livell ta’ PhD.
“Nistgħu nagħmlu dan għax pajjiżna għandu ekonomija soda. Ħaddieħor ikisser. Aħna nibnu għall-futur.”
It-tieni prijorità, spjega Muscat, qed tingħata lill-pensjonanti, għax din l-amministrazzjoni temmen li min ikkontribwixxa għal għomru, pajjiżna huwa midjun miegħu jew magħha. Għalhekk se tingħata lill-pensjonanti żjieda li titla’ sa €8 ewro fil-ġimgħa. Dan wara li tneħħiet it-taxxa minn fuq il-pensjoni. Żieda li se tkun fil-livelli li għollejna lil min f’pajjiżna qiegħed fuq paga minima.
Lir-romol li jilħqu l-eta’ tal-pensjoni se jingħataw pensjoni sħiħa. Lil min hu marid b’mod terminali se jingħata il-pensjoni kollha wkoll.
“Dak li jfisser pajjiż li jagħmel ġustizzja ma’ kulħadd. Dak li jfisser li ġid li jilħaq lil kulħadd. Prosperity with a purpose” qal Muscat.
Il-Prim Ministru qal li jemmen li l-ħaddiem Malti huwa bieżel. Imma l-bżulija ma jfissirx li taħdem biss biex tlaħħaq mal-ħajja bla żvog ta’ xejn. Il-familja hija apprezzata u l-kwalita’ tal-ħajja hija xi ħaġa li dan il-moviment jemmen fiha. Għalhekk Gvern Laburista jagħtu lura l-btajjel li jaqaw fil-weekend. Dan isir gradwalment u b’diskussjonijiet mal-istakeholders biex ma jitħarbatx l-iżvilupp ta’ pajjiżna. Iżda jsir bi dritt ukoll għall-ħaddiema li jkollhom leave miżjud jew bank holiday li taħdem mal-weekend biex iqattgħuhom mal-familja tagħhom.
Liż-żgħażagħ u l-familji ġodda tagħna se nkomplu ngħinuhom isiru sidien ta’ djarhom għax nafu li l-iktar żmien eċitanti u fl-istess ħin diffiċli jkun met tkun qed tibni d-dar tiegħek. Għalhekk se naraw li ngħinu lil min irid jixtri daru iżda ma jaffordjax iħallas id-depożitu tal-bidu. Se ngħinu wkoll lil dawk li jridu jikru mhux jixtru. Ukoll se ngħinu lill-middle-class li jridu jimxu pass ‘il quddiem u jixtru t-tieni dar tagħhom.
Dan huwa l-mod kif tkompla tinbena middle-class ġdida. Iż-żgħażagħ tagħna ħaqqhom dan kollu u iktar minn hekk. Għalhekk nemmen li tridu tibqgħu ma’ dan il-moviment kif kontu magħna erba’ snin ilu.
“Aħna l-moviment taż-żgħażagħ.”
Dan il-pajjiż mexa ‘il quddiem u kiber, qal Joseph Muscat. Imma kien hemm fejn ma mxejnix biżżejjed ‘il quddiem. Sar xogħol tajjeb fl-infrastuttura u saret ħidma bis-serjeta’. Biss biss hemm ix-xogħol li sar fuq triq il-Kosta u fil-Kappara Junction.
Dak li ma wettaqx ħaddieħor f’25 sena qed isir minn Gvern Laburista. Għax għandu l-kredibbiltà issa qed jagħmlu proposta ċara. Se jitranġaw it-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex f’seba’ snin. Triq triq u nibdew mit-toroq li l-aktar li għandhom bżonn u dawk li qatt ma saru. Proġetti li jsiru fiż-żmien imwiegħed u fil-budget imwiegħed.
“Malta qed tibki għal toroq aħjar. Għal infrastruttura moderna li nibqgħu nieħdu ħsiebha għas-snin li ġejjin.
Żammejt kelmti erba’ snin ilu. U se nerġa’ nżomm kelmti magħkom fuq dawn il-prijoritajiet.”
Joseph Muscat qal li dan hu l-moviment li ma jibżax jiddiskuti dak li hu kontroversjali. Ma jibżax jitkellmu b’konvinzjoni sħiħa favur iktar drittijiet.
F’dawn l-erba’ snin li għaddew, saret ħidma biex ingħataw drittijiet ġodda lill-persuni omosesswali. Għax dan il-moviment jemmen li l-imħabba m’għandix tkun diskriminata. Għalhekk Joseph Muscat jemmen li llum li wasalna li jingħataw passi oħra u l-unjoni ċivili ssir żwieġ.
“Għax l-imħabba hija mħabba u ma għandux ikun hemm distinzjoni.”
L-istess kif wasal iż-żmien li l-pajjiż jitkellem bis-serjetà dwar oqsma li dejjem tqiesu bħala taboo fis-soċjeta’ Maltija. Dan hu l-moviment li jitkellmu b’mod onest u ġenwin u li magħna tafu fejn qegħdin u fejn se mmorru.
“Ħaddieħor joffri biss ħmieġ u konfużjoni. Joffri gideb bħal ma għamlu fuq familti. Jigdeb dwari u dwar familti. Taħsbu se jiddejqu jigbdu dwarek jew dwar uliedek?” staqsa Muscat.
Ħaddieħor jaqta’ qalb in-nies u jbaxxihom, qal Muscat. It-tlieta ta’ Ġunju mhijiex sempliċiment elezzjoni ta’ ideat. Hija elezzjoni ta’ stili ta’ ħajja li l-poplu jrid jgħix. Ta’ min irid pajjiż miexi b’mod tajjeb, il-familji kuntenti u n-negozji miexi bis-saħħa ‘il quddiem. Inkomplu mexjin ‘il quddiem.
Jew inkella l-għażla l-oħra. Simon Busuttil. Li jreġġa’ l-arloġġ lura. Li jhedded il-fundamenti tal-ekonomija Maltija u li jhedded dak kollu li jikseb iċ-ċittadin u l-familji tiegħu. Dan huwa l-moviment tax-xogħol.
Dan huwa l-moviment tal-ġid. Dan huwa l-moviment taż-żgħażagħ li ġew magħna u emmnu fina għall-ewwel darba. Dan huwa l-moviment tal-pensjonanti, li forsi beżgħu minna erba’ snin imma llum jafu li żammejna kelmtna u għamilnilhom ħajjithom aħjar.
Dan huwa moviment tal-ommijiet u l-missirijiet li għennihom jaħdmu iktar u jaqilgħu iktar. Dan huwa l-moviment tat-tfal tagħna. Għax tajna l-aqwa sistemi ta’ edukazzjoni għal uliedna. Dan huwa l-moviment li jemmen li kulħadd jista’ jikkontribwixxi.
“Għad għandi l-istess determinazzjoni li kelli erba’ snin ilu. Għad għandi l-istess saħħa li kelli erba’ snin ilu. L-istess enerġija” qal Muscat.
L-istess ħolma għal Malta aħjar. L-aqwa żmien għal uliedkom. L-aqwa żmien għal ommijietkom u missirijietkom. L-aqwa żmien għall-familja tagħkom. L-aqwa żmien għalikom. L-aqwa żmien għal pajjiżna għadu ġej.”