Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, irreaġixxa għal rapport li deher fit-Times of Malta fejn ingħad li kien qed ikun ikkwotat rapport tal-FIAU.
Keith Schembri esprima s-sorpriża tiegħu li rapport tal-FIAU li allegatament tkellem dwaru, kien irrapportat b’mod dettaljat fit-Times of Malta. Dan għax sal-lum la qatt kien infurmat u lanqas mgħarraf dwar dan ir-rapport.
“Lanqas qatt ma kont mistoqsi minn xi uffiċjal tal-FIAU jew qatt ma kont mistoqsi biex nagħti xi informazzjoni,” qal Schembri li rrimarka kif f’dan l-istadju mhux se jikkummenta fuq il-konklużjonijiet tar-rapport għajr li jerġa’ jirriafferma li qatt ma rċieva flus li ma kellux dritt għalihom. B’hekk ġab fix-xejn allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.
“Ma kien jagħmel ebda sens li nieħu sehem f’attivitajiet li jallega r-rapport billi nuża kont tal-bank personali u rreġistrat f’ismi f’Malta, imbagħad nuża dak il-kont bi credit card li hija f’ismi b’fondi li huma magħrufa għall-awtoritajiet regolatorji kollha,” qal Schembri.
Minn naħa l-oħra nnota li ż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport sar f’nofs kampanja elettorali. “Ir-rapport, il-metodi u l-istrateġiji li qed jitħaddmu għandhom xamma ta’ partiġġjana,” qal Schembri fl-istqarrija tiegħu.