L-Imħallef Jacqueline Padovani Grima laqgħet talba tal-Partit Nazzjonalista u waqqfet it-tneħħija ta’ billboards tal-partiti politiċi. L-ordni li jitneħħew kienet ngħatat wara li nbiddlet il-liġi biex il-billboards isiru skont regoli iktar stretti u jsiru ħlasijiet ta’ liċenzji.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti stqarret li mhix tiddikjara lilha nnifsiha dwar l-Avviż Legali u fil-fatt il-Partit Nazzjonalista jrid jgħamel każ ieħor biex jisfida l-avviż legali.
L-Oppożizzjoni reaġixxiet għall-avviż legali billi qalet li xi ħadd qiegħed jipprova jwaqqafha milli twassal il-messaġġ politiku tagħha. Din hija totalment falza u vvintata. Iżda, l-Avviż Legali huwa immirat sempliċiment biex jirregolarizza s-sitwazzjoni preżenti tal-billboards fejn jitneħħew dawk li mhumiex konformi mal-liġi u għaldaqstant qegħdin iħassru l-ambjent ta’ madwarna. L-Avviż Legali ma huwa bl-ebda mod immirat sabiex xi partit politiku, ikun liema jkun, ineħħi l-billboards tiegħu mit-toroq jekk dawn ikunu mpoġġijin f’postijiet fejn tippermetti l-liġi.
Meta ħareġ l-avviż il-gvern qal: “L-Oppożizzjoni ma tistax tippretendi li hija ‘l fuq mil-liġi. Dan l-avviż legali ma jolqotx biss billboards politiċi u fil-każ ta’ billboards politiċi jolqot kemm il-billboards li jista’ jkun hemm tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll dawk tal-Partit Laburista, u kull partit ieħor li għandu billboards mhux konformi mal-liġi.” Fiż-żmien ta’ elezzjoni ġenerali jew lokali (sa minn tliet xhur qabel l-imsemmija elezzjoni sa ġimgħa wara), il-partiti politiċi jkunu eżentati milli jġibu permess biex itellgħu billboard sakemm dawn ikunu mqegħdin b’mod li ma jkunux ta’ periklu fit-toroq.