Michelle Buttigieg, rappreżentanta ta’ Malta għall-Awtorità tat-Turiżmu, f’New York tirċievi ħlas sostanzjalment inqas minn rappreżentanti f’pajjiżi oħra.
Dan ħareġ minn dokumenti impoġġiha fuq il-mejda tal-kamra tad-deputati mill-Ministru Edward Zammit Lewis li juru kif Buttigieg titħallas retainer fee ta’ €5,038 fix-xahar.
Il-Ministru ċċara li Michelle Buttigieg mhix ‘envoy’ u m’għandhiex impjieg mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu. Iżda hija professjonista fit-turiżmu u li s-servizzi tagħha kienu ngaġġati lokalment fi New York biex tirrappreżenta l-awtorità fil-marketing u promozzjoni ta’ pajjiżna fil-kontinent Amerikan.
Irriżulta li meta persuna li tagħmel ix-xogħol li tagħmel Michelle Buttigieg tkun impjegata tal-Awtorità l-ispiża tkun ferm iktar minħabba l-ħlasijiet ta’ allowances u spejjeż oħra. Fil-fatt l-aħħar darba li l-MTA kellha impjegat jagħmel dan ix-xogħol fl-Istati Uniti, lura fl-2004, kien isir ħlas ta’ madwar €7,300 fix-xahar, jiġifieri 40% iktar.
Zammit Lewis innota wkoll kif il-ħlas tar-raprezentanti tal-MTA fl-Olanda, il-Belġju, ir-Russja, Spanja u Skandinavja – li kienu mifthema fiż-żmien amministrazzjoni nazzjonalista u li għadhom għaddejja bl-istess termini sal-lum – huma ħafna ogħla.
Michelle Buttigieg, u s-servizz li toffri lill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, mhux darba jew tnejn sfaw fil-mira tal-partit nazzjonalista jew tal-bloggers qrib tagħhom.
Fit-tweġiba parlamentari, Zammit Lewis qal li wara tnax-il sena b’nuqqas ta’ rappreżentanza fis-suq Amerikan, fis-sentejn li pajjiżna reġa’ stabbilixxa rappreżentanza f’New York kien hemm impatt maġġuri mal-komunità tal-aġenziji tal-ivvjaġġar fl-Amerika.
Konferma ta’ dan huma l-unuri prestiġġjużi mirbuħa mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu din is-sena u ż-żieda ta’ 44% fl-ammont ta’ viżitaturi mill-Istati Uniti.