L-Għaqda Ġurnalisti Sports fi stqarrija qalet li tikkundanna bla riservi l-inċident li seħħ il-Ġimgħa 5 ta’ Mejju fejn ġurnalist tal-isport membru tal-Għ.Ġ.S li kien xogħol fil-Hibernians Stadium f’Kordin ġie intimidat, u mhedded minn membru tal-Kumitat ta’ Birkirkara FC waqt il-logħba mill-Kampjonat BOV Premier bejn l-istess Birkirkara u Floriana FC.
L-istqarrija żżid li l-gravita’ tal-inċident hi inkwetanti aktar u aktar hekk kif l-inċident seħħ fil-VIP Area tal-Hibernians Stadium fejn hemm ukoll il-Press Area li fiha jaħdmu u jkunu l-ġurnalisti.
L-Għaqda Ġurnalisti Sports infurmata li wara l-logħba sar rapport lill-Pulizija li qegħdin jinvestigaw il-każ bl-għajnuna ta’ diversi xhieda fosthom ġurnalisti oħra u impjegati tal-MFA li kienu xogħol waqt il-logħba.
Filwaqt li turi s-solidarjeta’ mal-membru tagħha u tikundanna azzjonijiet simili, l-Għaqda Ġurnalisti titlob lill-MFA sabiex il-persuna konċernata titressaq quddiem il-Bord tad-Dixxiplina tal-MFA u tingħata d-dixxiplina mistħoqqa, inkluż li ma jkollhiex aċċess fiż-żona VIP , ma jkollhiex dritt għall-VIP card għall-istaġun 2017/18 u li ma tinħarġilha ebda forma ta akkreditu fosthom card bħal dawk li jingħataw lill-isponsors tal-Clubs.
L-Għaqda Ġurnalisti Sports innotat ukoll li din mhix l-ewwel darba li din il-persuna hedded lill-membri tal-media tal-isport.
Fl-interess ta’ kulħadd u sabiex tħalli l-investigazzjonijiet tal-pulizija jkunu konklużi, l-Għaqda Ġurnalisti Sports mhux se tkun qed tagħti aktar dettalji f’dan l-istadju.