Matul l-aħħar sena, il-Gvern permezz tal-ARMS Ltd ta lura madwar €7.1 miljun li gew ġġenerati fi kreditu wara li l-familji Maltin u Għawdxin investew fi skemi ta’ pannelli fotovoltajci. Dan wara li l-Gvern nieda u estenda diversi skemi sabiex familji u negozji Maltin u Għawdxin jinvestu f’enerġija nadifa.
Il-ħlas ta’ madwar €7 miljun ewro sar permezz ta’ ħlas dirett fil-kontijiet tal-bank tal-konsumaturi filwaqt li ġew innotifikati b’SMS.
Il-Ministru Konrad Mizzi qal li dan jikkumplimenta il-politika tal-Gvern dwar l-enerġija nadif, fejn il-Gvern jinsab on track biex jilħaq il-miri tiegħu dwar enerġija rinnovabbli. Matul din il-leġiżlatura, madwar 20,500 familja ibbenefikaw minn skemi t’enerġija rinnovabbli li nieda dan il-Gvern.
Qal li tul is-snin li ġejjin, Partit Laburista fil-Gvern lest ikompli jinvesti kemm għal min għandu aċċess għal bejt u kemm għal min m’għandux, permezz ta’ ftehimiet mas-settur privat. Fakkar li permezz ta’ dawn l-iskemi u l-qalba għal gass, Malta kellna l-ikbar tnaqqis fl-ammont ta’ emmissjonijiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent fl-Unjoni Ewropea.