Infermier ta’ 38 sena ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest illum wara li wieġeb mhux ħati li wettaq abbuż sesswali b’mod vjolenti fuq ħames kollegi tiegħu f’dar tal-anzjani.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella ordnat li isem l-akkużat ma jixxandarx biex tiġi mħarsa l-identità tal-vittmi.
L-allegat abbuż sar bejn Ġunju 2015 u April 2017. L-Ispettur tal-Pulizija John Spiteri qal fl-awla tal-Qorti li l-Pulizija kienu mgħarrfa b’dan il-każ wara li l-vittmi, li jinkludu tfajla ta’ 16-il sena u mara bi problemi psikjatriċi, rrapportaw il-każ lill-amministrazzjoni tad-dar tal-anzjani.
Ir-raġel ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest bil-vittmi għad iridu jixhdu l-Qorti. Il-Qorti għamlet rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-ħabs biex l-infermier jitħalla jara lil ibnu.