Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, innegozja waħdu l-koalizzjoni ma’ Marlene Farrugia. Żvela dan id-Deputat Mexxej tal-Partit Demokratiku, Anthony Buttigieg meta f’diskors fin-Naxxar qal li Simon Busuttil kien imur id-dar ta’ Marlene Farrugia waħdu biex jinnegozja l-koalizzjoni. Laqgħat li bdew wara li Simon Busuttil ċempel lil Marlene Farrugia.
Iktar minn hekk Buttigieg ikkonferma li Simon Busuttil irid jitkellem ma’ Marlene Farrugia qabel jagħmel proposti f’isem il-Partit Nazzjonalista. “Simon ikkonsulta ma’ Marlene qabel ma ħabbarhom,” qal Buttigieg fl-intervent tiegħu b’Simon Busuttil jgħidlu “prosit kemm mort tajjeb għall-ewwel darba.”
Fid-diskors tiegħu Simon Busuttil kritika bl-aħrax it-tmexxija ta’ dan il-gvern u qal li Joseph Muscat għamel biss latrina f’Għawdex u sostna li l-Partit Nazzjonalista ħalla wirt mill-aqwa. “X’wirt ħallejna, x’wirt ħallejna,” qal Simon Busuttil.