Għat-tieni sena konsekuttiva, il-Ħamis 4 ta’ Mejju 2017, il-Kulleġġ Maria Reġina organizza attivita’ kbira bl-isem ta’ COLLEGEFEST. Din il-ġurnata hija festa ta’ attivitajiet u talent taħt it-tema RISPETT.
Il-Kulleġġ Maria Reġina jinkorpora fih l-iskejjel tan-Naxxar, Mosta, Għargħur, San Pawl il-Baħar u Mellieħa – mill-Kindergarten, Primarja, Skola Medja u anki Sekondarja. Matul din il-ġurnata, madwar 900 student attendew l-iskola Medja li laqgħet lil dawn l-istudenti għal nofstanhar ta’ attivitajiet – li kienu jinkludu kant, drama, żfin, wirjiet ta’ arti, zumba, logħob mekkaniku u ġinnastika fost l-oħrajn. It-tfal inqasmu f’erba’ gruppi biex kull nofs siegħa setgħu ibiddlu l-attivita li kienu qegħdin jagħmlu. Minbarra li setgħu jagħmlu ħbieb ġodda u jiltaqgħu ma’ studenti li jiffurmaw parti mill-istess Kulleġġ, it-tfal setgħu jiddiskutu wkoll it-tema ta’ RISPETT mal-edukaturi li ħadu sehem fi programm ieħor mill-Erasmus+ – fil-Portugall, eżattament fl-Università tal-Valuri, ġewwa Mafra.
Għal ħabta ta’ nofsinhar l-istudenti inġabru barra fejn iffurmaw qawsalla umana u setgħu wkoll joħolqu l-mużika permezz ta’ oġġetti rriċiklati flimkien ma’ Peter Paul tat-Tribali. Lejn it-tmiem tal-attivita, il-Prinċipal tal-Kulleġġ, is-Sur Patrick Decelis ippreżenta donazzjoni lil Dr Klown u lill-Missjoni li Peter Paul tat-Tribali jieħu ħsieb flimkien mal-MSSP. Għal sena oħra, kien hemm preżenti l-Ministru tal-Edukazzjoni, is-Sur Evarist Bartolo li esprima s-sodisfazzjon tiegħu meta jara l-iskejjel magħqudin flimkien għal għan wieħed – li jieħdu gost jitgħallmu flimkien waqt li jifhmu l-kunċett tar-RISPETT.
Il-Prinċipal tal-Kulleġġ tenna jgħid li għal sena oħra din kienet attivita oħra ta’ suċċess fejn wieħed seta’ japprezza t-talenti sbieħ li jħaddan dan il-Kulleġġ. Il-Kulleġġ Maria Reġina jixtieq jirringrazzja lil Frott Artna u Farsons tas-sapport li taw f’din l-attivita.