Fl-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista daħħal aktar minn ERBA’ MILJUN EWRO minn tliet skemi illegali. L-iskema ċedoli, l-iskandlu tad-DB, u l-iskema Frodi PN b’rabta mal-MEPs Nazzjonalisti.
Qal dan Gino Cauchi, Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mas-Segretarju Parlamentari Ian Borg fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Dawn il-flejjes kollha li daħlu minn frodi jispjegaw għalfejn il-Partit Nazzjonalista kien dejjem kontra l-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Mhux se jkunu biss l-OLAF (l-uffiċju Ewropew kontra l-frodi) u Transparency International li se se jkomplu jinvestigaw din l-aħħar skema ta’ frodi b’rabta mal-MEPs Nazzjonalisti, imma anke l-Partit Laburista li għandu aktar dettalji x’jiżvela.
Ian Borg fakkar fl-isfida li għamel il-Prim Ministru, biex Simon Busuttil imur quddiem l-OLAF u jistiednu jinvestiga fejn marru n-nofs miljun ewro f’allowances li tliet MEPs tal-PN ħadu biex ikollhom uffiċju fil-kostitwenza. Dawn ħadu €12,800 fix-xahar bejniethom sa minn Ġunju tal-2014. Ir-regoli tal-Parlament Ewoprew, kif anke kien ikkonfermat mill-Politico, jgħidu ċar li bl-ebda mod ma’ jista’ jkun hemm finanzjament jew jgħaddu flus lil partit politiku.
“Huwa skandaluż” qal Ian Borg, kif issa Simon Busuttil qed jinħeba wara l-Media.Link biex jispjega dawn il-frodi, daqs li kieku l-Media.Link mhix tal-Partit Nazzjonalista.