Kumpanija li qed topera f’pajjiżna, SR Technics qed tkompli tkabbar l-operat f’pajjiżna b’investiment dirett barrani ta’ €30 miljun, investiment li se jkun qed joħloq 400 impjieg ġdid filwaqt li l-kumpanija diġà tħaddem mal-160 impjegat. Il-kumpanija qed tkabbar l-operat tagħha bil-bini ta’ 6-bay hangar. Dan ifisser li fuq medda ta’ tliet snin il-kumpanija se tkun qed timpjega 560 persuna.
L-Erbgħa ġie ffirmat memorandum of understanding bejn il-Gvern u SR Technics li se jkun qed iwassal għal tkabbir fl-operat ta’ din il-kumpanija li tagħmel manutenzjoni u tiswija tal-ajruplani.
SR Technics hija parti mill-grupp HNA, grupp ta’ kumpaniji Ċiniż bi dħul ta’ aktar minn €13.5 biljun fis-sena u huwa involut f’bosta setturi inkluża l-avjazzjoni, proprjetà immobbli, servizzi finanzjarji, turiżmu u loġistika.
Il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona qal li SR Technics f’Malta qed tikber b’rata impressjonanti u fakkar li l-Easyjet għażlet li testendi l-kuntratt tagħha ma’ din il-kumpanija, għat-tiswija u manutenzjoni tal-ajruplani tagħha għall-ħames snin li ġejjin.
Dan l-investiment juri li fl-aħħar snin Malta żviluppat preżenza qawwija fis-settur tan-negozju tal-avjazzjoni. Il-Ministru Cardona spjega li l-politika tal-Gvern dejjem kienet ċara f’dan ir-rigward u Gvern Laburista dejjem ħadem biex jiġi żviluppat is-settur tal-avjazzjoni. “Il-futur tas-settur tal-avjazzjoni f’Malta huwa wieħed sod,” tenna l-Ministru.
Stqarr li dan is-settur sar pilastru ieħor tal-ekonomija diversifikata u b’saħħitha f’pajjiżna.
“Dan il-Gvern impenjat li jiżgura li dan is-settur tal-avjazzjoni jkompli jiffjorixxi u jikkontribwixxi għall-aqwa żmien ta’ pajjiżna.” – Ministru Chris Cardona