Hekk kif wasal żmien l-eżamijiet, riċerkaturi barranin minn diversi universitajiet qed jissuġġerixxu li r-riħa tal-pjanta klin, magħrufa wkoll bħala Rosemarin, taf tgħin biex ittejjeb il-memorja tal-individwu.
Riċerka sabet li studenti li kienu qed jaħdmu f’kamra mfewħa fir-riħa tal-klin, f’forma ta’ żejt naturali, irnexxew bejn 5% sa 7% aktar fir-riżultati meta għamlu testijiet tal-memorja.
Mark Moss mill-Università ta’ Northumbria qal li din is-sejba kienet konsistenti f’testijiet li saru fuq adulti.
Moss qal ukoll li dan l-istudju juri li t-twemmin tradizzjonali li kellhom fil-passat dwar il-klin hu vera.
Hu qal li din il-pjanta kienet assoċjata mal-memorja għal mijiet ta’ snin.
Studenti Griegi tal-qedem kienu jilbsu girlandi tal-klin madwar rashom waqt l-eżamijiet – u Ophelia, waqt id-dramm ta’ Shakespeare, Hamlet, tgħid “Hemm il-klin, dik biex tgħinek tiftakar.”