Il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar L-Aqwa Żmien ta’ Pajjiżna; l-għajta tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali ta’ 3 ta’ Ġunju.
“Dan huwa żmien sabiħ ħafna ta’ suċċessi, iżda b’ dak li se nipproponu u nagħmlu, jekk tagħtuna l-appoġġġ taghkom, deħlin għall-aqwa żmien ta’ pajjiżna,” qal il-Prim Ministru li tkellem ukoll dwar is-suċċessi tal-aħħar snin. Għax fuqhom irridu nibnu fil-leġiżlatura li jmiss.
“Il-jiem li ġejjin se joħorġu fil-beraħ l-ikbar kuntrast li jeżisti bejn dan il-moviment ta’ għaqda, ġid, suċċess u stabbilta’ ekonomika għal pajjiżna fuq naħa,” qal Joseph Muscat li fisser kif fuq in-naħa l-oħra hemm konfużjoni, inċertezza u instabbilta’ li qed jhedded dak kollu li ksibna flimkien.
“Jien inħares ‘il quddiem għall-ġudizzju tal-poplu li jaf fejn qiegħed miegħi għax fuq in-naħa tiegħi għandi l-verità u li żammejt kelmti. Miegħi l-familji, in-negozji, iż-żgħażagħ u l-pensjonanti jafu fejn qegħdin,” qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru iżda ffoka wkoll fuq iż-żmien li ġej. “Fadal ferm aktar xi jsir u x’ niksbu flimkien. Din hija Ħolma Maltija li se titwettaq,” qal f’atmosfera mill-isbaħ ta’ partit lest biex jiġġieled elezzjoni fuq l-ideat.
“Wara li żammejt kelmti, qed nerġa’ nitlobkom il-fiduċja biex ma nieqfux nofs triq, u nibqgħu mexjin ‘il quddiem flimkien lejn l-Aqwa Żmien ta’ Pajjiżna,” qal il-Prim Ministru.