• Jieħdu flejjes kbar kontra r-regoli tal-Parlament Ewropew
• Żvelata skema oħra ta’ finanzjament illegali mill-PN
Il-Partit Nazzjonalista qed iħaddem skema oħra ta’ finanzjament illegali u din id-darba qed jiffroda lill-istituzzjonijiet Ewropej.
Investigazzjoni esklussiva tal-gazzetta KullĦadd, li llum kienet żvelata biss parti minnha, tikxef kif il-membri Parlamentari Ewropej qegħdin jużaw spazji fid-Dar Ċentrali u jħallsu għalihom minn flus li l-Parlament Ewropew jgħaddilhom għal għanijiet oħra.
Il-Partit Nazzjonalista għandu tliet membri tal-Parlament Ewropew li biex iħaddmu din l-iskema qed jużaw parti mill-€4,299 li għandhom fix-xahar biex suppost jamministraw uffiċċju fil-kostitwenza. B’hekk il-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil qed idaħħal kemxa tajba.
Kemxa tajba li qed issir bi frodi bla preċedent minn partit politiku Malti.
Għax din hi xi ħaġa li l-partiti politiċi ma jistgħux jagħmlu b’fondi tal-Parlament Ewropew u meta nqabdet tiġri minn membri parlamentari Ewropej f’pajjiżi oħra, ittieħdu passi drastiċi.
Saħansitra kienet involuta l-pulizija u ħarġet il-kundanna ta’ istituzzjonijiet internazzjonali fosthom Transparency International.
Iżda, kif qed taħdem l-iskema ta’ frodi tal-Partit Nazzjonalista?
Bħala parti mill-iskema mħaddma bl-approvazzjoni ta’ Simon Busuttil, David Casa, Therese Commodini Cachia u Roberta Metsola, m’għandhomx uffiċini fil-lokalitajiet. Iżda, huma kkonċentrati għalkollox fid-Dar Ċentrali. B’hekk il-ħaddiema tagħhom f’Malta jirrapportaw għax-xogħol f’Tal-Pietà.
Bħala parti mill-iskema mħaddma, li l-KullĦadd irrapportat li għandha dettalji preċiżi tagħha, il-Partit Nazzjonalista jdaħħal eluf kbar ta’ fondi Ewropej kull sena li juża għal skopijiet speċifiċi.
Nafu biċ-ċert li l-fondi għal dawn l-uffiċini qed jittieħdu minn dawk li jissejħu General Expenditure Allowance. Flus sostanzjali maħsuba li membri parlamentari Ewropej għandhom jużaw biex imexxu uffiċċju bħal kirjiet, kontijiet tad-dawl u stationery fost oħrajn. Ir-regoli tal-Parlament Ewropew dwar il-General Expenditure Allowance jgħidu b’mod ċar li japplikaw artiklu sebgħa u tmienja li jirregolaw il-partiti politiċi.
B’mod ċar ħafna artiklu sebgħa ta’ wieħed mid-dokumenti li jirregolaw dawn il-flejjes jgħid: “Il-finanzjament tal-partiti politiċi f’livell Ewropew mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u minn kull sors ieħor ma jistax jintuża biex jiffinanzja b’mod dirett jew indirett il-finanzjament ta’ partiti politiċi oħra b’mod partikolari partiti politiċi nazzjonali, li għandhom ikunu gvernati minn regoli nazzjonali,” jgħidu b’mod ċar ir-regoli.
Iżda, dan mhux iżolat. Hemm ukoll artiklu tmienja tal-istess dokument. Dan jgħid li l-flus li jaslu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandhom jintużaw biss għall-ispiża skont kif stabbilit mir-regoli Ewropej.
Dawn mhumiex l-uniċi regoli stretti dwar dan. Artiklu 62 tal-istatut tal-membri tal-Parlament Ewropew jgħid b’mod ċar li l-ebda fondi minn tal-membri m’għandhom jintużaw għal donazzjonijiet ta’ natura politika u grupp fuq livell nazzjonali jew Ewropew.
Din l-investigazzjoni hija mifruxa iktar minn hekk u l-gazzetta KullĦadd għandha f’idha dokumenti li jikkonfermaw il-ksur ta’ regoli ċari tal-Parlament Ewropew.
Bħalma għandna konfermi ċari wkoll ta’ kif jirrapportaw għax-xogħol fid-Dar Ċentrali l-ħaddiema tal-MEPs.
L-EWWEL BIĊ-ĊEDOLI
Din hija t-tielet skema ta’ finanzjament dubjuża li qed jinkixef li jħaddem il-Partit Nazzjonalista. L-ewwel waħda kienet l-iskema ċedoli. Skema ta’ self sigriet li permezz tagħha persuni anonimi jintalbu jsellfu minn tal-inqas €10,000 lill-Partit Nazzjonalista b’arranġament li jibqa’ biss bejn il-PN u min jislef il-flus. Din l-iskema tnediet wara li l-Parlament approva l-liġi tal-finanzjament tal-partiti u donazzjonijiet ta’ iktar minn €7,000 ma baqgħux permessi li jkunu anonimi. Il-moħħ wara din l-iskema hija Ann Fenech, magħżula mill-Kap tal-Oppożizzjoni biex tkun President tal-Kumitat Eżekuttiv.
Bħala parti mill-iskema ċedoli kien hemm anke dejn li nbidel f’ċedoli. Permezz ta’ Ann Fenech u Alex Perici Calascione, bagħat għal nies li l-Partit Nazzjonalista għandu jagħtihom eluf kbar ta’ ewro. Lil dawn talbuhom biex dak id-dejn jew parti minnu jibdluh f’ċedola fejn jitħallsu tiegħu fuq medda ta’ snin b’imgħax ta’ 4%. Kull €10,000 tinbidel f’ċedola.
Jirriżulta li kien hemm numru ta’ kumpaniji li aċċettaw dan it-tip ta’ arranġament bil-għan li jibdew jieħdu xi ħaġa minn dak li ilhom biex jieħdu s-snin.
Fid-dawl li din l-iskema hija mdawra bis-sigrieti, it-tagħrif ta’ kemm hemm minnu self ġdid u ieħor dejn li nbidel f’ċedoli mhux magħruf.
SKANDLU SKEMA PAGI PN
Iżda, l-ikbar skandlu li kien faqqa’ sa dan li qed tiżvela l-KullĦadd illum, kienet l-iskema Pagi PN li permezz tagħha negozjanti kienu qed iħallsu pagi ta’ uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista bi ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Bħala parti minn din l-iskema, li kienet qed tinżamm sigrieta sakemm inkixfet min-negozjanti, il-Partit Nazzjonalista ħa madwar €600,000.
Meta nkixef Simon Busuttil kien qal li se jagħti lura “l-flus maħmuġin.” Iżda, imbagħad iddeċieda li jżommhom. Fuq kollox kien hu nnifsu li ħoloq din l-iskema.
Biex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu l-Partit Nazzjonalista qal li din hija parti minn ftehim kummerċjali. Iżda, dan ma kienx il-każ. Għax kienu qed joħorġu invoices foloz fuq Sky Gourmet u Medical
Health Care Services. Żewġ konsorzju li bżonn reklami m’għandhomx għax waħda rebħet il-kuntratt tal-ikel fuq l-ajruplani u l-oħra fl-isptarijiet.
Fuq kollox kienet il-kumpanija db Group li qalet ċar u tond fi stqarrija li ma ħadet l-ebda servizz kummerċjali għall-għotjiet tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ db Group fil-fatt kien qal hekk: “Mhux veru li s-sena l-oħra d-db Group ħallas lill-kumpanija tal-PN Medialink is-somma ta’ €70,800 għal xi servizzi kummerċjali li xtrajna mingħandha. L-insinwazzjoni li għall-ammonti li għaddejna lill-PN ħadna lura l-valur tagħhom f’reklami għall-grupp tagħna hija gidba totali.”
Id-db Group saħansitra sfida lil “min hu kkonċernat fil-PN biex jgħid liema servizzi kummerċjali aħna (db Group) ħadna mingħand Medialink fl-2016 u kif dawn iwasslu għal €70,800.”
Minkejja din l-isfida mill-kumpanija li suppost għandha relazzjoni kummerċjali mal-Medialink, Simon Busuttil baqa’ jirrifjuta li jippubblika dawn l-invoices foloz u prova ta’ x’servizzi kummerċjali ngħataw lura.