Il-Partit Laburista żamm il-vantaġġ b’saħħtu fuq il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li l-Prim Ministru baqa’ fdat ferm iktar mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Dan jirriżulta minn żewġ stħarriġ tal-opinjoni pubblika li għamlu l-maltatoday u t-Torċa.
Jekk wieħed jibdel il-persentaġġi li jidhru fl-istħarriġ f’numri jsib li l-Partit Laburista għandu vantaġġ ta’ bejn 15,000 vot u 28,000 vot fuq il-PN.
Skont il-Maltatoday li kieku kellha ssir elezzjoni għadha l-Partit Laburista jkollu vantaġġ tajjeb ta’ 4% fuq il-Partit Nazzjonalista. Għalkemm meta jitneħħew dawk li ma jafux jew mhux se jivvotaw il-vantaġġ jikber għal 5.1%.
Il-Partit Laburista żamm il-maġġoranza ta’ dawk imsejjħa ‘switchers’ u li vvotawlu għall-ewwel darba fl-2013.
L-istess ‘switchers baqgħu jafdaw iktar lil Joseph Muscat b’għaxra fil-mija iktar.
Fl-istħarriġ f’ġimgħa fejn kien taħt attakk kontinwu bl-ikbar gidba politika fl-istorja Maltija Muscat kien magħżul bħala l-iktar fdat minn 37.5% tal-elettorat u Simon Busuttil 34%.
Hawn l-istħarriġ tat-Torċa, li hu iffirmat mill-istatistiku Vincent Marmara, ipoġġi f’vantaġġ ta’ għaxra fil-mija lil Joseph Muscat. Kemm meta l-mistoqsija hi min jagħmel l-aħjar Prim Ministru bejnu u Simon Busuttil u kemm meta hi min hu l-iktar fdat.
Meta mistoqsija li kieku kellha ssir elezzjoni għada lil min jivvotaw in-nies li wieġbu għall-istħarriġ tat-Torċa qalu b’saħħa lill-Partit Laburista. Fil-fatt qalu dan 40.8%, b’31.8% jagħżlu l-Partit Nazzjonalista. Jirriżulta li l-istħarriġ tat-Torċa qabad inqas nies li qalu ma nafx, mhux se nivvota jew ma wieġbux għal mistoqsija.
Għalkemm iż-żewġ stħarriġ juru l-istess xejriet b’saħħithom favur il-Partit Laburista u Joseph Muscat jagħtu numri differenti riżultat tal-metodoloġija li ntużat.