L-Europol u d-Danimarka ffirmaw ftehim ta’ koperazzjoni operazzjonali u strateġika f’ċerimonja li saret fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, il-Belt Valletta. Permezz ta’ dan il-ftehim, għalkemm m’hijiex membru sħiħ tal-aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-infurzar tal-liġi, id-Danimarka se tkun tista’ taqsam u tiskambja data operazzjonali vitali mal-Europol.
L-iffirmar sar ilbieraħ mid-Direttur tal-Europol, Rob Wainwright, u mid-Direttur tal-Pulizija Nazzjonali Daniża, Svend Larsen, fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela.
Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE qed titfa’ enfasi partikolari fuq il-ħtieġa li s-sigurtà interna tal-Unjoni tissaħħaħ, fost l-oħrajn permezz tat-tisħiħ tal-iskambju u l-ġestjoni tal-informazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-infurzar tal-liġi u mill-immaniġġjar tal-fruntieri. F’dan ir-rigward, huwa meqjus bħala importantissimu li jiġu evitati d-diskrepanzi fl-informazzjoni.
F’dan il-kuntest, u wara r-riżultat negattiv tar-referendum li sar fit-3 ta’ Diċembru 2015 dwar l-adozzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-ħidma fuq cross-border tal-pulizija, id-Danimarka assigurat li tispiċċa f’pożizzjoni li ma tkunx tista’ taqsam id-data operazzjonali mal-Europol. Tali nuqqas ta’ koperazzjoni operazzjonali setgħet waslet għal diskrepanzi serji fl-informazzjoni u f’dik sigrieta, li mbagħad tista’ tpoġġi lis-sigurtà tal-UE f’riskju. B’riżultat tar-rieda tajba tal-parteċipanti istituzzjonali kollha involuti, il-ħidma proċedurali u sostantiva saret f’perjodu rekord ta’ erba’ xhur.
Il-Ministru Abela qal: “Il-ħeffa u s-suċċess ta’ kif tmexxew l-affarijiet fuq dan id-dossier juruna li l-UE kapaċi tagħti r-riżultati fil-ħin sabiex tipproteġi liċ-ċittadini tagħha. Kull stat membru qed jagħmel l-almu kollu tiegħu biex isaħħaħ il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, iżda l-ebda stat membru ma jista’ jkun effettiv jekk jaġixxi waħdu. It-theddidiet għas-sigurtà m’għadhomx restritti mill-fruntieri, iżda kapaċi jinfirxu minn pajjiż għall-ieħor faċilment.
Għaldaqstant, huwa importanti li jkun hemm il-kordinazzjoni meħtieġa bejn l-Istati membri fit-taqbida tagħhom kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. L-Europol toffri l-aktar mezz adattat biex l-Istati membri jaġixxu flimkien, jiskambjaw informazzjoni importanti bejniethom u jaħdmu b’mod ikkordinat, biex b’hekk ikunu jistgħu jiġġieldu kontra t-theddidiet b’forza akbar.
Bħala Presidenza tal-UE, kuntenti li pprovdejna l-opportunità lill-istat membru seħibna biex jiffirma hawn Malta l-ftehim ta’ koperazzjoni operazzjonali tiegħu mal-Europol, eżatt qabel ma jidħol fis-seħħ il-qafas leġiżlattiv ġdid tal-Europol. Mill-1 ta’ Mejju 2017, permezz ta’ mandat imsaħħaħ, l-Europol issa se jkun f’pożizzjoni li jassisti lill-Istati mmbri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità, u tipi oħrajn ta’ kriminalità serja u organizzata. Il-kollaborazzjoni ta’ kull stat membru, kif ukoll ta’ pajjiżi terzi, mal-Europol tkompli ssaħħaħ il-ġlieda tagħna kontra l-kriminalità. Koperazzjoni bħal din tawgura tajjeb għal futur fejn l-Ewropa tkun imħarsa mill-perikli u tgħix fis-sigurtà.”