Quddiem allegazzjonijiet ċari ta’ finanzjament illegali u invoices foloz bħala parti mill-iskema pagi PN il-Partit Nazzjonalista qed jgħid li ma jafx biex inhu akkużat mill-Kummissjoni Elettorali.
“Akkuża mhux magħrufa” jgħid kapitlu bħala parti minn din il-kawża.
Dan hu punt ċentrali fil-kawża kostituzzjonali li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista bit-tama li ma jkunx investigat mill-Kummissjoni Elettorali dwar ksur ċar tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
Investigazzjoni għax bħala parti minn arranġament b’invoices foloz negozjanti kienu qed iħallsu l-pagi ta’ uffiċjali għolja tal-Partit Nazzjonalista bl-ammonti ta’ flejjes li għaddew ilaħħqu l-mijiet ta’ eluf ta’ ewro.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-akkuża mhux magħrufa f’kawża ffirmata minn Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia li bħala fost l-iktar fdati ta’ Simon Busuttil ingħataw ix-xogħol marbut mal-kawża li Rosette Thake, bħala Segretarju Ġenerali, fetħet kontra l-Kummissjoni Elettorali.
Din il-kawża saret anke jekk fil-bidu Simon Busuttil qal li ma kellux problema bl-investigazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali.
Il-Kummissjoni Elettorali għandha s-saħħa tinvestiga dan il-każ permezz tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti li kienet approvata unanimament f’din il-leġiżlatura wara li l-gvern imbotta ‘l quddiem f’passi bla preċedent favur it-trasparenza.
Iżda, minkejja li vvota favurihom fil-Parlament il-Partit Nazzjonalista għamel minn kollox biex ma josservahomx fit-tmexxija finanzjarja tiegħu.
L-iskema tal-invoices sigrieti mhijiex l-uniku waħda li ħaddem il-Partit Nazzjonalista bi ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti jew l-ispirtu tagħha.