Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, qed jibbaża l-informazzjoni tiegħu fuq persuna li mhux biss għandha akkużi ta’ frodi iżda saħansitra għandha każ kriminali ieħor: akkużi foloz fil-konfront tal-Pulizija.
Dan ġie żvelat mill-Ministru u Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona u l-Ministru Edward Zammit Lewis f’konferenza mtella’ fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Cardona reġa’ ddikjara li Busuttil juża lil ħabiba tiegħu, Daphne Caruana Galizia, li minn wara skrivanija tivvinta l-istejjer u tagħmel il-ħsara. Hu qal li Busuttil qed jagħmel minn kollox għax huwa għatxan għall-poter.
Fid-diskors tiegħu Zammit Lewis qal li Simon Busuttil huwa verament iddisprat, li illum f’konferenza tal-aħbarijiet Beppe Fenech Adami u Jason Azzopardi wasslu biex jattakkaw lil Avukat Ġenerali, fost sensiela ta’ attakki lejn l-awtoritajiet. Hu qal li l-Gvern għandu fiduċja sħiħa fl-awtoritajiet.