Illum u għada l-Imdina se tkun qed tinbidel għaż-żmien tal-Medjuevu dan hekk kif bħal kull sena qed jiġi organizzat il-Medieval Festival. Festival li jagħti ħajja differenti lill-Imdina, b’atmosfera li minnha jgawdu kemm turisti li ġejjin minn madwar id-dinja u kif ukoll Maltin li jkunu qed jistennewha b’ħerqa kbira.
Kien waqt konferenza li s-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo qal li dan il-festival iservi ta’ skambju kulturali bejn it-talent lokali u l-gruppi barranin għat-tixrid tal-wirt kulturali taż-żminijiet medjevali.
Żied jgħid li dan il-festival hu eżerċizzju edukattiv ta’ tagħlim dwar l-istorja tal-Imdina kemm għaż-żgħar kif ukoll għall-adulti.
Is-Segretarju Parlamentari qal li waqt din l-attività l-attrazzjonijiet turistiċi se jestendu l-ħinijiet tal-ftuħ tagħhom u joffru roħs fil-prezzijiet tal-entratura, filwaqt li numru ta’ ħwienet se joffru ikel medjevali fil-menus tagħhom matul dan il-festival.
Is-Sindku tal-Imdina Peter Sant Maduca rringrazzja lill-voluntiera kollha li qed jieħdu sehem f’dan il-festival li qed jiġi organizzat għad-disa’ sena konsekuttiva. Hu qal li matul dawn il-jumejn wieħed jista jsib re-enactments minn gruppi barranin u lokali, mużika u żfin medjevali, flag-wavers, falkunerija, battalji, sparar bil-qaws, parati, u kċina medjevali fost attrazzjonijiet oħra.