Simon Busuttil ikkonferma li l-Partit Nazzjonalista issa għandu żewġ kapijiet. Dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament fejn ħabbar il-ftehim bejnu u tal-oranġjo.
“Ħa jkun hemm diffikultajiet as we go along” qalet Marlene Farrugia. Dawn id-diffikultajiet diġà ħolqu instabilità interna kbira, u l-ftehim se jkompli jżiduha. Il-kandidati tal-oranġjo m’għanhdomx għalfejn ikunu appoġjati mill-Kunsill Ġenerali tal-PN, kif iridu jagħmlu kandidati oħra.
Dak li ħabbar Busuttil dalgħodu nieqes sew mid-dettalji, u ftit li xejn hu magħruf kif se jaħdem il-kunċett ta’ żewġ kapijiet. Lanqas kien hemm dikjarazzjoni ċara minn Marlene Farrugia li dejjem se tivvota mal-Gvern. Mistoqsija mill-ġurnalisti dwar dan, wieġbet biss: “we are just there to convince”.
Il-ftehim dwar il-koalizzjoni diġà ħoloq kjass intern għx sar minn wara dahar il-grupp parlamentari Nazzjonalista. Meta qabel il-waqfa għall-vaganzi tal-Għid, saret laqgħa tal-grupp kien hemm membri li m’attendewx il-laqgħa li saret fil-Parlament anke jekk kienu fil-bini.
Diġà kien hemm rapporti ta’ taqlib kbir fil-laqgħat tal-grupp parlamentari tal-PN, b’deputati rrabjati għad-deal ma’ Marlene, li jikludi l-possibilità li jekk ma tkunx eletta fil-parlament, din tkun coopted mill-Partit Nazzjonalista u tieħu siġġu xorta. Biex dan isir, ma ssirx by election fuq id-distrett ta’ xi ħadd li jkun tela’ minn żewġ distretti u ċeda siġġu.
Il-kunsens li tkellmu dwaru fil-press conference diġà joħroġ ċar li m’hemmx, la bejnu u bejn Marlene u lanqas minn wara l-kwinti tal-PN. Diġà ż-żewġ mexxejja tal-PN ma jaqblux fuq diversi oqsma, fosthom ilbieraħ stess meta Marlene Farrugia ma qablitx mal-ftehim dwar il-paga minima u Busuttil ħabbar li se jiffirma l-ftehim.
U biex jgħaqdu l-grupp f’mument fejn jinsabu taħt pressjoni bla preċedent, l-istrateġisti tal-Partit Nazzjonalista qablu li jinfetaħ attakk bla skrupli fuq esponenti tal-Gvern, bit-tama li l-firda interna li reġgħet kibret fl-aħħar jiem tikkalma xi ftit.
Minkejja dan, dalgħodu Marlene u Simon qalu li fost l-iskopijiet li ngħaqdu, hemm l-istmerrija lejn il-firdiet fix-xena politika. Ħaġa li l-ewwel iridu jehelbu internament, fejn l-instabiltà interna hija sfida kbira li biha jridu jiffaċjaw l-elettorat.
Reazzjoni tal-Partit Laburista
Fi stqarrija l-PL qal li din hija koalizzjoni ta’ konfużjoni li jwassal għall-kaos nazzjonali.
“Trid tagħżel jekk tafdax l-ekonomija u l-post tax xogħol tiegħek f’idejn Joseph Muscat u Edward Scicluna jew Marlene Farrugia u Simon Busuttil”.