Dalgħodu tnediet sejħa għall-iskema Endeavour Scholarship li se tkun twassal biex studenti jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja biex ikomplu l-istudji tagħhom f’livell ta’ Masters u Dottorat. Għal din is-sejħa ġew allokati €1.6 miljun minn fondi Ewropej. L-applikazzjonijiet se jiftħu l-ġimgħa d-dieħla għal xahar u wieħed jista’ japplika fuq www.myscholarship.gov.mt.
Il-fondi Ewropej se jkunu qed jiffinanzjaw ir-riċerka ta’ studenti dwar suġġetti li huma ta’ interess għall-Unjoni Ewropea filwaqt li studenti oħra li jixtiequ jagħmlu r-riċerka tagħhom fuq suġġetti differenti se jiġu finanzjati mill-Gvern.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej Ian Borg spjegaw li dawn il-fondi jistgħu jibbenefikaw minnhom ukoll studenti li diġà gradwaw f’livell ta’ Masters u għalhekk jixtiequ li jkomplu r-riċerka tagħhom biex jiksbu d-Dottorat.
Fl-aħħar erba’ snin ibbenefikaw minn din l-iskema madwar 700 student.