Ira Losco tat interpretazzjoni tajba fl-ewwel prova ġenerali li ntemmet ftit tal-minuti ilu. Illejla, Losco għandna t-tieni prova ġenerali li fiha tivvota l-ġurija u għalhekk il-prestazzjoni tagħha mistennija tisaħħaħ. Fl-ewwel prova ġenerali kienu biss preżenti l-ġurnalisti li qed isegwu dan il-festival minn Stokkolma. Għall-interpretazzjoni ta’ Ira kienu bosta li laqgħu b’ċapċip id-diska ta’ Ira, ‘Walk On Water’.
Ira kienet l-aħħar kantanta li tat il-wirja tagħha minn tmintax -il pajjiż li qed jikkompetu fl-ewwel semi-finali ta’ għada filgħaxija. Hija dehret libsa l-libsa sewda mħallta b’kulur id-deheb b’kuda twila.
Il-kummenti inizjali fis-siti ewlenin tal-Eurovision, il-ġurnalisti barranin qalu li l-kantanta Maltija dehret tinteraġixxi aktar maż-żeffien Skorpion li qiegħed magħha fuq il-palk tul it-tliet minuti tagħha.
Intant il-ftuħ tal-ewwel serata tal-Eurovision huwa wieħed spettakolari bir-rebbieħ tas-sena l-oħra Måns Zelmerlöw ikanta verżjoni differenti tal-kanzunetta li biha rebaħ is-sena l-oħra flimkien mat-tfal.
Aġġornamenti kontinwi qed jitwasslu wkoll fuq ONE u ONE Radio minn Wayne Aquilina.