Iż-żieda fil-paga minima hi kisba importanti għall-imsieħba soċjali f’Malta. Qal dan Philip von Brockdorff, Senior Lecturer fid-Dipartiment tal-Ekonomija fl-Università ta’ Malta, f’kumment li kiteb fuq il-midja soċjali Facebook fid-dawl li tħabbret l-aħbar li sal-2019 il-paga minima se tkun qed tiżdied b’€8 fil-ġimgħa u llum ġie ffirmat dan il-ftehim.
Hu sostna li għalkemm iż-żieda hi waħda moderata, hi rikonoxxuta mill-Imsieħba Soċjali kollha li dawn qablu li din il-bidla kienet waħda bżonnjuża. Von Brockdorff enfasizza dwar l-importanza li Malta żżomm il-kompetittività tagħha anke fejn jidħlu pagi.
Din ma kinitx l-unika reazzjoni pożittiva għaż-żieda fil-paga minima, hekk kif mal-iffirmar tal-ftehim, l-imsieħba soċjali kellhom kummenti ta’ tifħir għal din il-kisba. Kienu bosta ukoll il-kummenti fuq il-midja soċjali li faħħru dan il-qbil li se jkun qed jagħti nifs lil 5,000 familja.