L-ewroparlamentari u kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista fi Brussell David Casa ftaħar li jieħu pożizzjonijiet kontra Malta fil-Parlament Ewropew. Waqt il-programm Xarabank, David Casa qal li l-kampanja tiegħu kontra l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment kien għamilha b’wiċċu minn quddiem.
“Għedt jien li fuq iċ-ċittadinanza ma rridx ngħin lill-Gvern Malti…..għedtha bid-dikjarar”, qal l-ewroparlamentari nazzjonalista.
David Casa qal li, fil-fatt, qatt ma ħeba kemm jaħdem kontra l-Gvern Malti fil-Parlament Ewropew. L-IIP huwa l-unika programm ta’ ċittadinanza approvat mill-Kummissjoni Ewropea u, skont tweġiba parlamentari riċenti mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, l-ammont ta’ flus depożitati sal-11 ta’ Marzu 2016 kien ta’ 157 miljun ewro.
Minkejja kull tfixkil mill-Oppożizzjoni, 70% tal-fondi ġġenerati minn dan il-programm qed imorru fil-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali li qed jitmexxa mill-eks President tal-Kamra tal-Kummerċ David Curmi u li se jiffinanzja proġetti ambizzjużi favur fil-familji kollha.
Din tal-IIP ma kinitx l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista mar jipprova jħammeġ lil Malta. Simon Busuttil għamilha wkoll kemm-il darba fuq il-proġett tal-enerġija, fuq il-viżas maħruġa lil Alġerini u fuq in-nomina ta’ pajjiżna għall-membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Din hija parti minn strateġija miftehma waqt laqgħa fid-Dar Ċentrali li għaliha kienu preżenti fost oħrajn Simon Busuttil, Beppe Fenech Adami u Richard Cachia Caruana li ftehmu li l-Partit Nazzjonalista għandu jagħmel minn kollox biex jumilja lil Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej.
https://www.youtube.com/watch?v=e-nzdeDViZM&feature=youtu.be