Ġiet iffirmata skema ta’ Social Loans, immirata għal dawk li jinsabu fil-lista ta’ stennija għal-akkomodazzjoni soċjali u fil-lista ta’ dawk Ii jibbenefikaw minn sussidju fuq il-kera, iżda li huma f’impjieg stabbli.
Dan huwa l-ewwel ftehim fl-istorja tax-xorta tiegħu.
Il-Gvern, filwaqt li ser jibqa jgħin bis-sussidju lil dawk li jinsabu fil-kera privata, nieda skema fejn dawn l-istess nies ser jingħataw l-opportunità li jmorru fis-suq privat sabiex jixtru l-propjetà.
Il-Gvern se jikkonverti s-sussidju li qed jingħataw illum fuq il-kera għal sussidju fuq il-ħlas lura lil bank. F’dawn il-każijiet dawk interessati ser jingħataw finanzjament totali sa massimu ta’ mitt elf ewro biex jixtru propjetà.
Il-Gvern għamel stħarrig mal-assoċjazzjoni tal-iżvilluppaturi (MDA) u jista’ jikkonferma li hawn numru sostanzjali ta’ propjetajiet li jaqgħu taħt din il-bracket.
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, waqt konferenza tal-aħbarijiet, qal li se juża l-għodda tiegħu kollha sabiex jaċċerta ruhu li dawk li jikkwalifikaw jingħataw taħrig meħtieġ sabiex jiġu preparati għal dan il-pass.
Kien għalhekk ukoll li l-FSWS ser ikollha rwol prinċipali sabiex tħejji profili dettaljati ta’ kull applikant u eventwalment issegwi l-istess applikanti f’din it-triq ġdida tagħhom.
“Aħna nirrikonoxxu li f’dawn l-aħħar snin is-suq tal-kera għola konsiderevolment, tant li saret ukoll konferenza nazzjonali dwar il-kirjiet. Il-Gvern iħoss li waħda minn diversi soluzzjonijiet sabiex tittaffa din il-problema hija propju dik li n-nies jigu mħajra isiru sidien ta’ djarhom” qal il-Ministru Farrugia.
Spjega li minn statistika li nġabret, jirriżulta li minn fuq il-lista tal-applikanti li qegħdin jistennew akkomodazzjoni alternattiva, madwar 900 minhhom huma f’impjieg full time. Mill-lista ta’ dawk li jibbenefikaw miss-sussidju fuq il-kera madwar 400 minnhom huma f’impjieg full time.
L-ewwel nies li se jkunu ikkuntatajati huma dawk in-nies li qegħdin fuq iż-żewġ listi li huma madwar 450.
Dawk kollha li għandhom bżonn informazzjoni jistgħu jibgħatu email fuq: customer.care.ha@ha.gov.mt
Jew iċemplu l-Awtorita’ tad-Djar fuq: 8007 2232
Il-Ministru rringrazzja lil APS Bank, li kienu l-ewwel bank li resaq l-quddiem sabiex setgħet titħejja l-ewwel skema ta’ din ix-xorta.
Temm jgħid li dan huwa Gvern illi jippremja il-bżulija. “Nemmbu fil-making work pay mingħajr ma nitraskuraw lil dawk li għadhom bżonn u għal ebda raġuni ma’ jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol”.